Il-knisja ta’ Marsalforn hija ddedikata lil San Pawl Nawfragu. Kif imniżżel fl-Atti tal-Appostli, San Pawl kien kien ġie Malta wara li x-xini li kien fuqu inkalja ma’ sikka. Skont tradizzjoni lokali, mbagħad, kien minn Marsalforn li dan il-qaddis imbarka lejn Sqallija fi trieqtu lejn Ruma.
Deskrizzjoni
Il-knisja minn ġewwa hija tipika tal-arkitettura tas-seklu 18. Mibnija fuq pjanta sempiliċi fuq stil Doriku, b’korsija mingħajr kappelluni, illum il- knisja għandha wkoll żewġ swali fil-ġnub tagħha, estensjonijiet li nbnew fis-seklu 20. Dawn l-estensjonijiet saru fejn qabel kien hemm l- artali tal-ġnub li kienu ddedikati lil Marija Addolorata u lill-Qalb ta’ Ġesù. It-tkabbir sar biex il-knisja tkun tista’ tilqa’ komunita’ dejjem tikber u li tiżdied b’mod qawwi fix-xhur tas-sajf meta l-popolazzjoni ta’ Marsalforn tiżdied drastikament.
Jekk il-ħitan tal-ġnub huma kemmxejn lixxi u neqsin mill-lavur, ma jistax jingħad l-istess għas-saqaf. Dan huwa saqaf eleganti b’forma ta’ navata fit-tond li tpoġġi fuq gwarniċun il-ġmiel tiegħu. Is-salib jingħaqad permezz ta’ tip ta’ koppla baxxa b’forma ta’ tanbur baxx imsaqqaf. Madwarha hemm erba’ pitturi ovali filwaqt li fin-nofs, faċċata, hemm arma b’lavur mirqum ħafna. Il-kwadru titulari tal-knisja, żejt fuq it-tila li jirrappreżenta In- Nawfraġju ta’ San Pawl huwa xogħol ta’ Giuseppe Bonnici (1835-1900). Fil-kwadu jidher San Pawl ifarfar il-lifa’ minn idu filwaqt li xi persunaġġi fosthom ġeneral Ruman jidhru jħarsu lejn dak li qed jiġri quddiemhom. L-altar maġġur hu eleganti u irħamat filwaqt li l-altar mejda hu magħmul mill-irħam. Il-kwadru ta’ Marija Addolorata sar mill-artist Ignazio Carlo Cortis (1826-1898) fl-1875 filwaqt li dak tal- Qalb ta’ Ġesu’ hu ta’ artist mhux magħruf. Il-knisja fiha diversi pitturi oħra fosthom dawk ta’ L-Erba’ Evanġelisti, ta’ Sant’Andrija kif ukoll kwadru li jirrappreżenta lil San Franġisk Saverju. Barra minn dawn hemm ukoll żewġ kwadri kbar li jirrapreżentaw Il-Konverżjoni ta’ San Pawl u L-Martirju tal-istess qaddis.
L-istatwa ta’ San Pawl saret fl-1925 mill-istatwarju Għawdxi Wistin Camilleri (1885-1979). Hija tinħareġ fil-purċissjoni ta’ nhar il-festa tan- Nawfraġju ta’ San Pawl, jiġifieri fl-10 ta’ Frar, li hija wkoll festa pubblika. Il-festa ta’ San Pawl issir bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali taż- Żebbuġ u dak tax-Xagħra. Wistin Camilleri għamel ukoll l-istatwa ta’ San Ġużepp li kienet saret fl-1959. Fil-knisja nsibu wkoll statwi tal- Immakulata Kunċizzjoni u tal-Qalb Mqaddsa ta’ Marija. Il-paviment tal- knisja kien sar fl-1933, filwaqt li l-altar tal-irħam tad-Duluri kien sar fl-1963.
Minn barra, il-knisja ta’ San Pawl għandha faċċata sempliċi u eleganti, bin-naħa ta’ fuq tagħha ddominat minn pediment klassiku li jfakkrek fl-arkitettura tal-knejjes Maltin fuq stil rinaxximentali li kien iddisinja sekli qabel l-arkitett Tumas Dingli. Pediment ieħor iżgħar iżejjen il-bieb prinċipali. Żewġ pari pilastri jagħtu dehra dinjituża lill-faċċata hekk kif tieqa mdaqqsa fil-faċċata tagħti d-dawl fuq ġewwa tal-knisja. Fuq wara l-knisja wieħed isib kampnar għall-ponta li għal ħafna sekli kkaratterizza l-bajja ta’ Marsalforn hekk kif kien jiddominaha. Sfortunatament żvilupp urban ħażin fil-viċinanzi tal-knisja ħassar il- karattru oriġinali li kellha l-knisja fuq dan ir-raħal tas-sajjieda. Fortunatament ħafna fotografi u artisti fosthom Pawl Carbonaro (1948- ) ħallewlna xhieda ta’ kif kienet tidher il-knisja permezz ta’ diversi pitturi u prints.
Sfond storiku
Il-knisja oriġinarjament inbniet fis-seklu 14 iżda hija nbniet mill-ġdid u tkabbret diversi drabi. Hija tissemma’ f’rapport taż-żjara pastorali ta’ l- Isqof Luca Bonus li kienet saret fl-1667. Ir-rapport jagħmel referenza għall-kundizzjoni prekarja tal-bini. Jidher li l-knisja tranġat fis-snin ta’ wara hekk li fl-1687 jidher li l-Isqof Davide Cocco Palmieri sabha f’kundizzjoni ħafna aħjar.
L-ewwel ġebla tal-knisja preżenti tpoġġiet fl-1730. Fit-tieni nofs tas- seklu dsatax kien sar xogħol ta’ restawr fil-ħitan tan-naħa ta’ barra tal- knisja li tħallus mill-Parroċċa tan-Nativita’ tax-Xagħra.
Leggenda interessanti tgħid li fl-1726 tvajla rrakmata li kienet tgħatti l-artal insterqet minn baħħar u l-ġifen li kien fuqu ma setax isalpa hekk li l-ankra ma setgħetx tiġi merfugħa, dan sakemm il-baħri ma rritornax l-oġġett misruq. Fl-1813 l-Arċisqof Ferdinandu Mattei bierek l-akbar qanpiena li hemm fil-kampar ta’ din il-knisja.
Restawr riċenti
Fl-2020 il-knisja ta’ San Pawl ġiet restawrata fi proġett kumpless u
ambizzjuż. Kemm il-faċċata kif ukoll in-naħa tal-knisja ġew restawrati
b’ħila kbira grazzi għal fondi Ewropej għall-Iżvilupp Reġjonali
amministrati minn kummissjoni mwaqqfa mill-Kurja t’Għawdex. Il-
Perit Edward Scerri ssorvelja x-xogħlijiet, li kienu jinkludu l-
konservazzjoni tal-ġebla oriġinali, il-brix ta’ diversi saffi ta’ tikħil tal-
konkos applikat fil-passat u l-installazzjoni mill-ġdid ta’ diversi pitturi
laterali li tneħħew wara t-tkabbir tal-knisja.
Referenzi
Vella, H. C. R. (2018). Żebbuġ of Gozo – Its People, Inscriptions and
History. Malta: Print It
Ritratti ħajr lil: Gozo Diocese, Xagħra Parish, Rev. Can. Michael Borg,
jjpzammit
Riċerka: Mario Cassar
Copyright: Soċjeta’ Banda Santa and Żebbuġ Gozo Local Council
