Iċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija
Sas-snin tletin, id-dfin fiż-Żebbuġ kien isir jew fil-knisja parrokkjali ta’ Santa Marija jew fiċ-ċimiterju li kien hemm maġenb il-knisja u li oriġinarjament kien jagħmel mal-kappella ta’ Santa Marija tal-Virtu’.
Id-dfin fil-knisja kien ġie projbit fil-bidu tas-seklu 20. Minkejja dan l-idea li jinbena ċimiterju ġdid għar-raħal taż-Żebbuġ ma seħħitx qabel is-snin tletin. Ġie deċiż li ċ-ċimiterju kellu jinbena fl-inħawi magħrufa bħala tal-Klejja.
F’rikors li għamel l-kappillan taż-Żebbuġ Dun Mikelanġ Cauci lill-isqof t’Għawdex Mons. Mikiel Gonzi fl-1934 huwa tenna li ċ-ċimiterju l-ġdid kien ġie ddisinjat mill-perit Arturo Bondì, li kien mill-belt Victoria. Hu talab ukoll permess biex jibda l-bini u biex tinxtara biċċa art minn għand Salvatore Cini għas-somma ta’ €23. Il-permess għall-bini taċ-ċimiterju nħareġ mill-Uffiċċju tax-Xogħlijiet Pubbliċi fl-24 ta’ Frar 1934.
Bondì ddisinja l-ħajt ta’ barra taċ-ċimiterju, struttura sempliċi imma eleganti mżejna b’motivi klassiċi fosthom b’pedestalli qosra matul il- ħajt u b’entratura eleganti fuq stil klassiku. Rigward ġewwa, iċ-ċimiterju oriġinarjament kellu “ħamsin qabar, erbatax minnhomorizzontali b’passaġġi bejniethom, kappella żgħira, kannierja u kamrażgħira għall-għodod”. Iċ-ċimiterju kien inbena mill-bennej u skalpellinŻebbuġi Bastjan Axiaq (1876-1964), li hu magħruf għad-dar fuq stil eklettiku li kien bena fit-triq ma’ ġenb Triq Għajn Melel, fuq ir-riħ tal-inħawi Ta’ Milied, fejn ukoll bena u naqqax presepju magħmul mill-ġebla Maltija. Dan fil-fatt huwa magħruq bħala l-Presepju ta’ Bastjan. Fuq kull naħa tal-kappella li nbniet aktar tard fit-tieni nofs tas-seklu 20, wieħed isib żewġ kappelli privati, probabilment iddisinjati mill-perit Bondì u mibnija minn Axiaq stess. Dawn fihom l-oqbra tal-familja ta’ Axiaq u tal-familja Camilleri. Id-disinn tal-kappelli huwa tassew eleganti, b’koppletti żgħar. Il-bibien tagħhom u t-twieqi tagħhom huma tipiċi tal-istil eklettiku Malti tas-seklu 19.
Fl-1965, inbniet kappella ġdida ġewwa ċ-ċimiterju. Hija saret fuq il- pjanta tal-Perit Joseph Dimech (1931-2021). Hija ddedikata lil Santa Marija Reġina tal-Erwieħ tal-Purgatorju u hija fuq stil klassiku. Fuq quddiem għandha portiku eleganti li jwassal għal ġewwa. Minkejja li l- istil tal-kappella huwa wieħed anakronistiku, hija sebbħet l-inħawi ta’ tal-Klejja bl-istil sofistikat tagħha.
Il-kappella fiha diversi oqbra ta’ Żebbuġin prominenti fosthom membri tal-kleru. Fosthom wieħed isib midfunin lill-W.R. Dun Franġisk Mercieca, l-ewwel arċipriet taż-Żebbuġ u nepputieh l-W.R. Mons.
Alwiġ Vella, Arċipriet Emeritu taż-Żebbuġ u li kienu fit-tmun tal- parroċċa bejn l- 1938 u 1964 u bejn l-1964 u l- 1996 rispettivament.
Kien Mons. Vella li bena l-kappella taċ-ċimiterju u li ħabrek biex l-istess kappella tiġi kkonsagrata mill-Isqof t’ Għawdex Ġużeppi Pace fl-1 ta’ Novembru 1966.
Waqt il-parrokat tal-Arċipriet Kan. Noel Saliba li mexxa l-parroċċa bejn l-1996 u l-2006, inbnew diversi oqbra ġodda ġewwa dan iċ-ċimiterju filwaqt li s-sagristija tkabbret fiż-żmien il-parrokat ta’ l-Arċipriet Reuben Micallef.
Il-kappella hija mżejna b’pitturi bikrija ta’ Paolo Camilleri Cauchi
(1940- ) fosthom il-kwadru titulari li juri lill-Madonna Reġina tal- Erwieħ tal-Purgatorju. Iċ-ċimiterju ta’ Santa Marija deher f’diversi
disinni tal-artist u arkitett Malti Richard England (1937- ).
Fuq ir-riħ taċ-ċimiterju ta’ Santa Marija wieħed isib waħda mill-għoljiet ċatti ewlenin fil-gżira Għawdxija, li hija dik Ta’ Kuljat. Filwaqt li hija tinsab qrib tal-għolja taż-Żebbuġ u tagħmel parti mill-lokalita’ tiegħu, hija tinsab bejn l-għolja tad-Dabrani u l-belt Victoria. L-aktar parti wiesa tal-parti ċatta ta’ din l-għolja hija madwar 310 m filwaqt li l-idjaq parti hija madwar 153m. L-għolja dejjem kellha rwol important fil-ħajja tal-lokalita’ taż-Żebbuġ speċjalment minħabba li hija kienet abitata sa mill-eqdem żminijiet.
Normalment postijiet bħal Ta’ Kuljat kienu abitati waqt iż-żminijiet imwieghra ta’ Żmien il-Bronż. Minkejja dan fil-madwar tal-għolja ta’ Kuljat instabu biċċiet ta’ fuħħar ta’ żmien in-Neolitiku. Minħabba f’hekk hemm possibilita’ li l-għolja kienet abitat sa mill-preistorja. Fl- 1647, l-istoriku Malti Gian Frangisk Abela jirreferi għall-għolja bħala Ta Cogliat filwaqt li fil-kitba tiegħu tas-seklu Tmintax, l-istoriku Għawdxi Gian Piet Aguis de Soldanis jsemmi struttura megalitika fuq l-istess għolja. Rigward żmien il-Bronż, wieħed ma jistax ma jsemmix is-sejba ta’ ħafna biċċiet tal-fuħħar ta’ dan iż-żmien, hekk li wieħed jista’ jgħid li l-għolja kienet abitata minn komunita’ f’dan iż-żmien. Fuq kollox wieħed ma jistax ma jsemmix ħajt magħmul minn ġebel megalitiku tipiku ta’ Żmien il-Bronż. Probabbli dan il-ħajt, li għadu hemm sa llum fin-naħa tal-Lvant tal-għolja, kien ħajt difensiv. Probabbli wkoll li dan il-ħajt kien idawwar il-wiċċ kollu tal-għolja.
Qrib dan il-ħajt hemm għar naturali li probabbli kien abitat fil-prejistorja. Dawn l-għerien kienu l-ewwel postijiet li qagħdu fihom l-ewwel Maltin, li kienu ġew minn Sqallija. Fuq l-għolja ta’ Kuljat hemm ukoll għajn ta’ ilma ġieri, aspett li seta’ ġibed l-ewwel Maltin biex jgħixu f’din l-għolja.
Madwar ix-xaqlibiet Ta’ Kuljat, wieħed isib diversi kmamar mibnija matul is-sekli fuq stil vernakulari. Dawn il-kmamar, ta’ forma sempliċi kienu jintużaw mill-bdiewa bħala mħażen u anke bħala protezzjoni mill-elementi. X’uħud minnhom inbnew ukoll riċentament. Hemm referenzi storiċi għal żewġ kappelli li kienu jeżistu fiż-żona ta’ Kuljat, waħda iddedikata lil Santa Marija Madalena u oħra lil San Ġiljan. It-tnejn li huma m’għadhomx jeżistu.
Ħafna bdiewa Żubbuġin kellhom għelieqi fuq il-quċċata u madwar l-għolja Ta’ Kuljat. Il-ħajja ta’ dawn ma kenitx faċli. Iż-żona kienet magħrufa għad-dwieli, li minnhom kien isir l-aqwa inbid li kienu jixorbu ż-Żebbuġin speċjalment fil-ħwienet tax-xorb li kien hemm fir-raħal. L-għolja Ta’ Kuljat kienet użata wkoll għall-kaċċa. Fit-Tieni Gwerra Dinjija tlett ajruplani tal-għadu waqgħu fl-inħawi Ta’ Kuljat. Fis-27 ta’ Lulju 1942 ajruplan Taljan ta’ tip Macchi 202 misjuq minn Faliero Gelli waqa’ fl-għalqa msejħa Tal-Abbatija. L-ajruplan twaqqa’ mill-pilota Kanadiż George Buerling. Gelli baqa’ ħaj imma weġġa’ sew f’sidru mal-impatt. Qassis miż-Żebbuġ, Dun Ġużepp Camilleri, li għamilha ta’ interpretu, kien strumentali biex Gelli ttieħed l-għassa taż-Żebbuġ. Jingħad li ċorma Żebbuġin inġabru ħdejn l-għassa biex jaħbtu għall-pilota hekk kif jinħareġ. Jingħad ukoll li l-pilota nħareġ minn bieb sekondarju u ġie skortat lejn l-isptar fejn ġie mmedikat. Skond l-istoriku tal-gwerra Charles Bezzina Gelli ttieħed Malta bħala priġunier tal-gwerra u miet f’pajjiżu fis-snin disgħin
WIED L-INFERN Int u ġej lejn iż-Żebbuġ mir-Rabat, qabel tilħaq iċ-ċimiterju ta’ Santa Marija wieħed isib triq fuq il-lemin. Din it-triq b’niżla għolja twassal għal Wied l-Infern, il-wied li jinżel bejn l-għoljiet taż-Żebbuġ, ta’ Kuljat u tad-Dabrani. Dan il-wied jasal sal-bajja tal-Qbajjar. Triq imserrpa imsemmija għall-istess wied twasslek lejn l-inħawi tal-Qolla l-Bajda u Marsalforn.
Fl-1612, diversi oġġetti tad-deheb ta’ forma stramba kienu misjuba f’dan il-wied mill-Għawdxi Antonio Vella. Dawn kienu jikkonsistu fi 33 virga ta’ deheb mastizz li fl-istorja hemm referenzi għalihom bħala “volgarmente chiamate modoni”. Probabilment dawn is-sejbiet kienu ta’ żmien il-Feniċi. Ħadd ma jaf fejn jinstabu llum, speċjalment għaliex għall-kuntrarju ta’ oġġetti tad-deheb oħra ta’ l-istess żmien li nstabu madwar Malta huma ma jinstabux fil-Kollezzjoni Nazzjonali.
L-GĦOLJA TAD-DABRANI
L-għolja tad- Dabrani qegħda ma’ ġenb dik Ta’ Kuljat u l-geoloġija tagħha tixbaħ ħafna lil dik ta’ Kuljat, għajr għal parti min-naħa ta’ nofsinhar tagħha fejn wieħed isib saffi kbar ta’ tafal. Id-Dabrani hija għolja li minn dejjem kienet ċentrali għaż-Żebbuġ, l-aktar minħabba l- pożizzjoni ġeografija tagħha u li tiddomina l-pajsaġġ kemm kif tħares min-naħa tal-lvant tar-raħal. Il-ġmiel tagħha jidher ħafna mill- promenade ta’ wara l-iskola primarja u anke matul Triq il-Knisja int u sejjer għall-pjazza tar-raħal.
Bħal Ta’ Kuljat, l-għolja tad-Dabrani kienet żona agrikola importanti għall-bdiewa taż-Żebbuġ. Fil-passat l-għelieqi ta’ fuq l-għoljiet kienu
żoni ta’ tbatija kbira għall-bdiewa speċjalment minħabba n-nuqqas tal- vetturi u mħaret mekkaniċi. Minkejja dan, il-bdiewa qatt ma qatgħu qalbhom minħabba dan u ħadmu bla heda biex jieħdu l-frott minn dil- għolja.
Id-Dabrani jissemma’ fil-kanzunetta Inti Djamant (1977), miktuba minn
Emanuel Ellis għall-grupp The Tramps. Din hija kkunsidrata bħala l- aktar kanzunetta popolari dwar il-gżira’ Għawdxija:
“Id-Dabrani u ta’ Kuljat Il-Ħarrax, widien u blat In-Nuffara w ta’ Gelmus Il-kastell tant kuraġġjuż…”
Referenzi
Riċerka: Mario Cassar
Copyright: Soċjeta’ Banda Santa u Kunsill Lokali iż-Żebbuġ Għawdex. Ritratti ħajr lil: Mario Cassar, Leo Cefai, Google Earth.
Tpinġija: ©Richard England
Rikonoxximenti: Ħajr: L-arkivju ta’ Riħ id-Deheb għad-dokumenti dwar il-bini taċ-ċimiterju


















