Id-Dar tal-Arċipriet

Id-Dar tal-Arċipriet, storikament magħrufa bħala l-Kanonika hija r-residenza uffiċċjali tal-Arċipriet taż-Żebbuġ. Oriġinarjament id-dar kellha l-ġnien li kien jibda minn tarf Triq Ġoma, bil-faċċata fi Triq il-Knisja u bl-entrata sekondarja fi Triq il-Ponta, illum msemmija Triq Dun Franġisk Vella, li propju kien is-sid ta’ din id-dar. Fil-fatt l-istorja tad-dar hija minsuġa b’mod qawwi mal-istorja tal-parroċċa minħabba li Dun Franġisk (1662-1743) kien, l-ewwel kappillan taż-Żebbuġ. 

Dun Franġisk Vella kien wieħed mill-aktar Għawdxin prominenti ta’ l-epoka hekk kif huwa kien wieħed mill-ftit personaġġi li jissemma mill-istoriku Għawdxi il-Kan G. P. Agius de Soldanis fil-kitba tiegħu Gozo Antico e Modern, Sacro e Profano (1746). Vella ħalla d-dar tal-familja tiegħu lill-parroċċa b’testment iffimat għand in-Nutar Alwiġ Cremona u datat 3 t’Awwissu 1739.

Il-librerija, li probabilment kienet ġo l-istess dar kien imħolliha permezz ta’ l-istess testment lill-arkivju tal-Kunvent tal-Kapuċċini ġewwa l-Furjana. Id-dar tħalliet lill-parroċċa taż-Żebbuġ bil-kundizzjoni li jibqgħu jiġu ċċelebrati ta’ kull sena l-festi ta’ ta’ l-Isem Imqaddes ta’ Ġesu’ u ta’ l-Ispirtu s-Santu. 

Is-suċċessuri kollha tal-Kappillan Vella kollha qagħdu fid-dar u żmien ilu kienu jħallsu tip ta’ kera għall-alloġġ tagħhom fl-istess dar. Matul iż-żminijiet saru diversi tibdiliet strutturali fid-dar, fosthom il-bini tat-tieni sular li sar fil-bidu tas-snin għoxrin tas-seklu 20. Fit-28 ta’ Mejju 1923, l-Isqof t’Għawdex Giovanni Camilleri ta permess lill-kappillan ta’ dak iż-żmien Dun Mikelang Cauchi biex juża s-somma ta’ €100 li kienu depożitati fl-Anglo-Maltese Bank biex jibni t-tieni sular tad-dar. Kif tixhed korrespondenza oħra tal-Kappillan Cauchi, din id-darba lill-Isqof Mikiel Gonzi li ġġib id-data tal-1 ta’ Jannar 1928, jidher li l-proġett tal-bini tlesta fl-1924. L-istess ittra, li kopja oriġinali tagħha tinsab fl-arkivju ta’ Riħ id-Deheb, tagħti ħafna dettalji dwar dan il-proġett fosthom dwar min kienu l-ħaddiema, kemm tħallsu u x’għamlu. 

Fl-1975, l-Arċipriet Alwiġ Vella bena l-bini li fih hemm l-Uffiċċju Parrokkjali li jinkludi wkoll l-Arkivju tal-Parroċċa, arkivju li ġie rriċerkat bir-reqqa mill-istoriku Professur Orazjo C. R. Vella (1952-      ) resident fiż-Żebbuġ. L-istess Arċipriet Vella, li fi żmienu twaqqfet is-Soċjeta’ Filarmonika Banda Santa Marija kien witta’ t-triq biex il-ġnien tad-Dar l-Arċipriet jgħaddi f’idejn l-istess soċjeta’ biex fiha jinbena l-każin. Dan sar realta’ taħt l-Arċipriet Kan. Noel Saliba meta ġie awtorizzat mill-isqof t’Għawdex Mons. Nikol Cauchi biex jgħaddi l-biċċa art lis-soċjeta’.

Huwa mifhum li l-ewwel sular tad-dar imur lura għas-seklu 17. Id-dar għad fadlilha quddiemha parapet magħmul minn għadd ta’ baluvostri li jżejjnu mhux ftit il-faċċata tad-dar. Fil-post fejn illum hemm il-garaxx tad-Dar tal-Arċipriet, li oriġinarjament kien fuq stil vernakulari, bil-kileb u x-xorok kien il-post fejn fl-1988 kienet saret ċerimonja kommemorattiva f’għeluq it-300 sena mit-twaqqif tal-parroċċa.

Id-Dar tal-Arċipriet kienet ġiet irrestawrata bejn l-2007 u l-2008 fi żmien l-Arċipriet Kan. Reuben Micallef. L-Arċipriet preżenti il-Kan. Ġwann Sultana kompli jgħammar id-Dar tal-Arċipriet billi ittrasferixxa diversi biċċiet ta’ għamara antika u oġġetti tal-arti oħra li qabel kienu fis-sagristija tal-knisja parrokjali għal ġod-dar tal-Arċipriet.

Riċerka: Mario Cassar

Copyright: Soċjeta’ Banda Santa Marija and Żebbuġ Gozo Local Council

Ritratti ħajr lil: Mario Cassar

Ħajr: Grazzi għall-Arkivju ta’ Riħ id-Deheb għad-dokumenti oriġinali dwar il-bini fid-dar tal-Arċipriet

Dwar l-awtur tar-riċerka tal-Heritage Trail

Mario Cassar twieled iż-Żebbuġ fl-1975. Huwa artist, edukatur, disinjatur u kollezzjonist. Huwa gradwat fl-istorja tal-arti, fil-Malti u fil-pedagoġija artistika f’livell ta’ Masters ġewwa l-Universita’ ta’ Malta. Ilu jmexxi s-sezzjoni tal-arti viżiva ta’ Sir M. A. Refalo Sixth Form mill-1997, fejn hu lettur. Għallem f’diversi fakultajiet u ċentri tal-Universita’ ta’ Malta, fejn fost l-oħrajn għallem il-filosofija tal-arti, id-disinn kontemporanju u l-apprezzament tal-arti u tal-antikita’. Huwa membru fundatur tas-Soċjeta’ Filarmonika Banda Santa Marija u ex-viċi sindku taż-Żebbuġ. Huwa wkoll il-kuratur tad-dar storika Riħ id-Deheb. Huwa miżżewweġ lil Pauline u għandu żewġt itfal.