Il-Bajja tal-Qbajjar hija waħda mill-aktar bajjiet pittoreski tal-gżira Għawdxija. Bħala bajja mhix mogħnija b’xi sisien pittoreski li jdawwruha bħal bajjiet oħra fil-gżira. Is-seħer tagħha qiegħed fil-ħarsa li hija toffri fuq l-orizzont u l-baħar mewwieġi blu li jdawwar il-kosta Għawdxija. Ma tlumhomx lil missirijietna li semmew din il-bajja Mewġ il-Baħar.
Kien lejn l-aħħar tas-seklu dsatax jekk mhux ukoll fil-bidu tas-seklu għoxrin, li wara sejba u skavar ta’ diversi oqbra fil-madwar tal-bajja, il- post beda jissejjaħ Qbajjar, jiġifieri qabar żgħir. Huma diversi l-postijiet
tad-dfin li huma mmarkati fuq il-mapep antiki taż-żona li minn Wied il- Qbajjar tagħti għall-bajja propja.
Il-Qolla s-Safra
L-għoljiet ħelwin bħall-Qolla s-Safra u l-Qolla l-Bajda huma karatteristika ġeoloġika Għawdxija fejn il-ġebla tal-Franka – f’forma konika – tinsab direttament taħt is-saff tal-Qawwi ta’ Fuq bil-mod li bejniethom la hemm it-tafal u lanqas il-Ġebla s-Safra.
Fl-1879, ħdejn il-Qolla s-Safra, Andrew Leith Adams sab snien fossilizati ta’ foka, filwaqt li H. Lewis fil-ktieb tiegħu Ancient Malta – a Study of Its Antiquities (1977) jalludi għal tip ta’ katakombi żgħir li jingħad li jinsab fil-madwar tal-Qolla s-Safra. Ftit ftit il-ġmiel tal-Qolla s-Safra qiegħed jittiekel minn bini li qed jitla’ ma’ ġenbha. Il-periklu hu li din il-gawhra ta’ sbuħija naturali tiddawwar kompletament bil-blokok tal-konkrit u hekk il-bajja tal-Qbajjar titlef din l-għolja li tant kien twennisha u ssebbaħha.
Ritratti ħajr lil: Leo Cefai, JJZammit
Riċerka: Mario Cassar
Copyright: Soċjeta’ Banda Santa and Żebbuġ Gozo Local Council

