Il-batterija li tinsab fuq il-promontorju bejn il-Qbajjar u x-Xwejni hija l- aħħar waħda minn katina ta’ fortifikazzjonijiet mibnija kmieni fis-seklu tmintax madwar il-bajja ta’ Marsalforn biex jiġi evitat l-inżul tal-furbani fiż-żona. Il-bini ta’ dawn it-torrijiet tal-kosta għamel lil Għawdex aktar sikur, speċjalment minħabba li l-gżira kienet bla difiża, fatt li kkontribwixxa ħafna għall-Assedju ta’ Għawdex fl-1551.
Magħrufa bħala l-Batterija tal-Qbajjar, din inbniet bejn l-1715 u l-1716 fi żmien il-Granmastru Ramon Perellós y Roccaful (1697-1720). Il-bini kien taħt id-direzzjoni tal-inġiniera militari Jacques de Camus D’ Arginy u Bernard de Fontet. Il-Batterija tal-Qbajjar hija waħda miż-żewġ batteriji li fadal f’Għawdex; l-oħra hija il-Batterija ta’ Sant’ Antnin ġewwa l-Qala. Din tal-Qbajjar, mhix ‘il bogħod mill-punt l-aktar fit-tramuntana tal-gżira, Ras ir-Reqqa, u bħala tali hija l-fortifikazzjoni l-aktar fit-tramuntana ta’ Malta.
Il-batterija tikkonsisti fi pjattaforma semi-ċirkolari tal-kanuni mdawra b’parapett b’sitt fetħat, filwaqt li fuq quddiem għandha żewġ strutturi simetriċi magħqudin b’ħajt. Dawn kellhom twieqi dojoq intenzjonati biex minnhom jiġu sparati azzarini f’każ ta’ attakk mill-art. Oriġinarjament il-batterija kellha rampa li kienet twassal għad-daħla, In-naħa tal-baħar tal-batterija hija protetta b’foss żgħir, u li hu mdawwar bis-salini.
Fil-bidu l-batterija kienet armata b’sitt kanuni, iżda fl-1770, l- armamenti tagħha kien jikkonsisti f’erba’. Dawn kienu tat-tip 276 roundshot u ta’ 60 grapeshot. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija l-batterija serviet bħala Post t’Osservazzjoni Nru.5.
Hija żammet il-pjanta oriġinali tagħha sal-aħħar tas-snin sebgħin, meta l-batterija nbidlet f’diskoteka u snack bar magħrufa bħala Rook. Kien f’dan iż-żmien li fih sarula alterazzjonijiet kbar. Prattikament, inbnewlha strutturi fuq il-pjattaforma tal-kanuni, id-daħla ġiet imkabbra, u r-rampa li twassal għaliha ġiet mibdula f’taraġ. Il-bini għamel żmien twil abbandunat u fi stat dilapidat. Il-batterija ġiet vandalizzata diversi drabi. Fl-2005 kien ġie ssuġġerit li l-batterija tingħata lill-għaqda Din l-Art Ħelwa filwaqt li fl-2013 il-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ kien beda jirriċerka possibiltajiet biex il-batterija tiġi rrestawrata u mogħtija lura lill-lokalita’. Fl-2026, Il-gvern Malti ta l-batterija lill-għaqda Din l-Art Ħelwa biex tirrestawraha u tieħu ħsiebha.
Riċerka: Mario Cassar
Copyright: Soċjeta’ Banda Santa Marija and Żebbuġ Gozo Local Council
Ritratti ħajr lil: Max Saliba
