Il-Banda Santa Marija/is-Soċjeta` Filarmonika Santa Marija
Malta għandha storja twila ta’ baned mużikali li saħansitra tmur lura għas-seklu dsatax. Ir-rwol tal-baned militari fi żmien l-Ingliżi ispirat lill-komunita` biex iwaqqfu baned u soċjetajiet mużikali fl-ibliet u rħula Maltin. Hekk, il-baned saru parti integrali mill-ħajja soċjali u kulturali fil-gżejjer tagħna. Il-parteċipazzjoni tagħhom fil-festi reliġjużi, inklużi dawk titulari, programmi mużikali kif ukoll f’ċelebrazzjonijiet ċivili bħal funerali uffiċjal, saret parti essenzjali tal-ħajja f’Malta.
Hekk kif wieħed jitla’ ż-Żebbuġ, fid-direzzjoni mir-Rabat wieħed ma jistax ma jinnotax bini imponenti fil-kantuniera faċċata d-daħla tar-raħal. L-arkitettura tiegħu mhix tipika tal-irħula Għawdxin. Infatti, Il-bini li hawn quddiemek huwa s-sede, jew il-każin tal-Banda Santa Marija, li eventwalment saret is-Soċjeta` Filarmonika Santa Marija.
Il-banda, li hija msemmija għall-patruna taż-Żebbuġ, twaqqfet lura fl-1995. Il-kumitat fundatur tas-Soċjeta’ kien ffurmat minn dawn il-membri: is-Sur Charles Cini (president), is-Sur George J. Cefai (segretarju), is-Sinjura Marlene Dimech (teżoriera), is-Sur Mario Cassar (uffiċjal għar-relazzjonijiet pubbliċi), is-Sur Stephen Cini (arkivist), Rev. Dun Salv Tabone (direttur spiritwali), is-Sur Joe Saliba (membru), is-Sinjorina Frances Spiteri (membru) u s-Sur Francis Saliba (membru).
L-istatut tal-banda ġie miktub mill-Avukat Dr. Alfred Grech. Saru diversi emendi fl-istatut maż-żmien, b’mod partikolari fis-sena 2004 meta dik li kienet il-Banda Santa Marija ġiet irreġistrata uffiċjalment bħala is-‘Soċjeta` Filarmonika Santa Marija’.
bħala surmast direttur intagħżel is-Surmast Joseph Grech, li għadu jmexxi l-banda sa llum. Mogħni b’dottorat fil-mużika mill-Universita’ ta’ Nottingham, Grech kien strumentali biex Banda Santa Marija sa mill-ewwel darba li bdiet iddoqq, u dan għamlitu fl-20 t’Awissu 1997, dejjem baqgħet tippreżenta mużika bandistika ta’ livell għoli ħafna.
Sa mit-twaqqif tagħha, is-Soċjeta` Filarmonika Banda Santa Marija dejjem inkoraġġiet it-talenti mużikali fil-membri tagħha. Dan hija tagħmlu permezz tat-tagħlim kif ukoll imbagħad, bħala banda, hija toffri s-servizz tagħha lill-komunita` taż-Żebbuġ u tipparteċipa f’festi esterni f’diversi rħula Għawdxin. Barra minn dawn ir-rwoli, is-Soċjeta` ħadmet ħafna biex jerġa jiġi skopert il-wirt kulturali taż-Żebbuġ.
It-twaqqif tas-Soċjeta’ ħabat ukoll ma’ qawmien soċjo-ekonomiku li kien beda fiż-Żebbuġ sa mill-bidu tas-snin tmenin. Dak iż-żmien, iż-Żebbuġ kien għadu raħal ftit li xejn magħruf u ftit kienu jżuruh. Dan beda jinbidel wara li l-knisja parrokkjali ġiet imżejjna bl-irħam li kien misjub fir-raħal u li kien ilu magħruf sa mis-seklu tmintax. Rigward il-mużika, iż-Żebbuġin dejjem kienu jberrnu li jwaqqfu banda, sakemm f’nofs is-seklu għoxrin, żgħażugħ Żebbuġi, is-Surmast Anton Mallia (1898-1980) beda jgħallem il-mużika lil diversi żgħażagħ Żebbuġin, waqqaf orkestra żgħira u anke ikkompona diversi biċċiet ta’ mużika reliġjuża għall-knisja parrokkjali. Wara mewtu, l-ħidma tiegħu kompliha ibnu Ġużeppi (1932-2023). Il-ħidma ta’ din il-familja ma waqfitx hawn hekk kif illum il-ġurnata, n-nepputi ta’ Ġużeppi, is-Surmast Franco Cefai (1992- ) huwa sa mill-2015, l-assistent surmast tal-Banda Santa Marija, Maestro di Cappella fil-knisja parrokjali u organist imfittex ħafna.
Fost l-aktar dati importanti fil-kalendarju ta’ Banda Santa Marija wieħed isib il-parteċipazzjoni tagħha fil-festa titulari ta’ Santa Marija li tinżamm fiż-Żebbuġ fil-weekend wara l-15 t’Awwissu, fil-Ġimgħa Mqaddsa u fl-Għid il-Kbir. Il-Banda torganizza diversi kunċerti mużikali, kemm ġewwa l-knisja parrokkjali kif ukoll fil-beraħ, fejn ewlieni huwa l-programm mużikali annwali Assumptafest li jsir fil-pjazza ewlenija u li għalih dejjem ikun hemm attendenza kbira.
Il-Każin Il-każin inbena fil-post fejn qabel kien hemm il-ġnien tad-Dar Parrokkjali, li oriġinarjament kienet tħalliet b’wirt mill-ewwel kappillan Dun Franġisk Vella. Is-sit kien mgħoti mill-parroċċa għall-użu tas-Soċjeta’. Fl-1999 l-Isqof t’Għawdex Mons. Nikol Cauchi permezz ta’ digriet awtorizza lill-Arcipriet ta’ dakinhar Il-Kan. (illum il-ġurnata Mons.) Noel Saliba jgħaddi parti mid-Dar Parrokkjali biex fiha jinbena l-każin tal-Banda Santa Marija.
Il-każin u dak kollu li fih ġewwa ġie ddisinjat mill-Iskultur u Disinjatur Emmanuel Cini u ħafna mix-xogħol sar minn voluntiera li għenu fil-każin matul iż-żminijiet. L-ewwel ġebla tal-każin ġiet impoġġiha mill-E. T. Prof. Guido de Marco, President ta’ Malta u tbierket mill-Isqof t’Għawdex Mons. Nikol Cauchi. Il-bini tal-każin kompla sakemm fl-2013 huwa ġie inawgurat f’ċerimonja speċjali taħt il-patroċinju tal-ambaxxatur Malti għall-kultura, it-tenur internazzjonali Joseph Calleja. L-E.T. l-Isqof Mario Grech, illum il-ġurnata Kardinal Grech, bierek il-proġett. Ix-xogħol ma waqafx mal-inawgurazzjoni, fejn matul dawn l-aħħar snin kompla it-tagħmir u tisbieħ ta’ dan il-każin.
Fost affarijiet oħra, il-każin fih Restaurant, klassijiet tal-mużika, arkivju mużikali, sala għall-attivitajiet kif ukoll Ċentru tal-Kreattivita` u’ Viżitaturi. Attrazzjoni partikolari hija l-koppla artistika li tinstab fl-istess każin. Fil-kantina tal-Każin hemm kappella, klassijiet tat-tagħlim, sala għall-wirjiet kif ukoll il-maħżen tal-armar tal-Għaqda Armar Santa Marija.
Grazzi għall-Kumitati tas-Soċjeta’, l-Banda Santa Marija kibret u ssaħħet kemm mill-lat mużikali kif ukoll mill-lat istituzzjonali. L-entużjażmu u d-dedikazzjoni tal-kumitati matul is-snin ġibdu lejhom sens ta’ fiduċja kemm lokalment kif ukoll fuq bażi nazzjonali.
Filwaqt li l-Banda Santa Marija kompliet tistabbilixxi ruħha tul is-snin b’diversi servizzi u programmi mużikali madwar gżiritna f’okkażjonijiet diversi; minbarra l-aspett mużikali, is-Soċjetà Filarmonika Santa Marija torganizza numru t’attivitajiet fuq skala reġjonali u wkoll tikkummissjona numru ta’ inizjattivi, studji u proġetti relatati mal-istorja u l-iżvilupp tar-raħal taż-Żebbuġ, inkluż dawk partikolari relatati mal-aspett soċjali, it-tradizzjonijiet, il-kultura u l-arti.
Għal aktar dettalji dwar is-Soċjeta` Filarmonika Santa Marija, l-attivitajiet kurrenti u l-amministrazzjoni preżenti tagħha, mitlub tidħol fuq is-sit: www.bandasantamarija.com jew il-paġna ta’ Facebook Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija Żebbuġ Għawdex.








