Referenzi bikrija għall-knisja
Il-knisja tal-Assunta, fil-forma oriġinali tagħha ta’ kappella, tissemma għall-ewwel darba f’dokument tal-1540 li jgħid li Joanne Peribon, armla ta’ Ġakbu, ħalliet nagħġa lil din il-knisja. Nafu wkoll li din il-knisja sussegwentement ġiet imkabbra fl-1644 wara li ġiet profanata fl-1637. Jidher li hija reġgħet infetħet fl-1667, meta fiha jissemma’ li fiha kien jamministra qassis. Referenzi bikrija għall-knisja, imsemmija bħala Santa Marija Ta Zebbuġ jinstabu f’diversi dokumenti fosthom wieħed tal-1639 li jirreferi għaż-żwieġ ta’ Paschal Farrugia u Katerina Aquilina. Barra minn hekk, il-knisja hija dokumentata fiż-żjara pastorali tal-Isqof Luqa Bonus. Ir-rapport isemmi li l-knisja kellha lampa tas-santwarju u kampnar fuq il-bieb prinċipali. Il-knisja kellha tliet bibien, il-bieb ewlieni jħares lejn in-Nofsinhar, ieħor iħares lejn il-Punent u ieħor iħares lej
Aktar tard wara li ż-Żebbuġ inqata’ parroċċa għalih permezz tad-digriet Cum in prima mill-Isqof Davide Cocco Palmieri, l-ewwel kappillan taż Żebbuġ u wieħed mill-benefatturi ewlenin tal-parroċċa, Dun Franġisk Vella (1662-1743), bena knisja akbar li ngħaqdet mal-kappella oriġinali. Il-kappella l-antika baqgħet integrata fil-knisja parrokkjali sal- 1936 meta ġiet żarmata biex hekk tkabbret il-knisja kif nafuha llum fuq pjanta ta’ salib latin. Il-knisja oriġinali għalhekk kienet iżgħar minn dik ta’ llum, mingħajr il-kor u s-salib u mingħajr is-saqaf preżenti. Hija kienet kienet bdiet tinbena fl-1692 u x-xogħol fuqha ntemm fl-1719. Id-disinn kien xogħol l-Għawdxi
Allura wieħed jistaqsi, illum x’fadal mill-knisja l-antika li nbniet minn Dun Franġisk Vella. Minnha fadal Il-faċċata, mill-gwarniċun l-isfel għalkemm din inbidlet mhux ftit hekk kif fil-bidu tas-seklu 20, ingħalqu it-tlett arkati kbar li kienu jagħtu għall-portiku mill-isbaħ li kien fiha. Barra minn hekk wieħed għadu jista’ jara l-ħitan tat-tramuntana u ta’ nofsinhar flimkien mal-kappelluni. L-istatwa tal-Madonna fin-niċċa fil fontispizju flimkien ma’ arzella tal-ġebel integrata mill-ġdid warajha huma wkoll partijiet mill-knisja l-qadima.
Skont korrispondenza bejn Il-Kappillan Vella u l-Kurja Veskovili ta’ Malta, l-ispejjeż tal-bini tal-knisja l-ġdida kienu ammontaw għal 3,100 skud. Il-knisja ġiet ikkonsagrata mill-Isqof Pawlu Alferan de Bussan fit 30 ta’ Settembru 1736. Kienet it-tieni knisja, wara l-Knisja Matriċi tar Rabat u ġiet imfaħħra mhux ftit mill-istoriku Aguis De Soldanis għar rikkezzi li kien fiha u l-arkitettura imponenti tagħha. Dan hu fatt li jissorprendik għax dokument tas-seklu 18 miktub minn ċertu Caxaro, jiddeskrivi l-popolazzjoni taż-Żebbuġ bħala fqira
Fl-1861 l-Isqof Gejtan Pace Forno O.S.A. ikkonsagra żewġ qniepen, waħda imsemmija għall-Assunta u l-oħra għalih. Fis-seklu dsatax, il-knisja nbnewlha l-kampnari filwaqt li wara t-tkabbir limitat tal-bidu tas-seklu għoxrin meta l-ispazju tal-portiku żdied mal intern tal-knisja, sarilha tkabbir kbir li beda fl-1936. Filwaqt li x xogħlijiet damu sejrin sal-1942, kien f’dan iż-żmien li fih inbena s-saqaf il-ġdid, il-frontispizju flimkien mal-kor, is-salib u l-koppla.
Fost ix-xogħlijiet ta’ pittura mdendlin fil-knisja (hekk kif tidħol mix xellug mill-bieb prinċipali) wieħed isib Is-Sagra Familja ta’ Vincenzo Monti (1852-1942). Fuq il-bieb tat-tramuntana wieħed isib tila kbira tas-seklu 18 li tirrappreżenta Iċ-Ċirkonċiżjoni ta’ Ġesu’, xogħol ta’ artist mhux magħruf li jista’ jiġi apprezzat aktar jekk isirlu restawr estensiv. Fil-kappella li jmiss wieħed isib il-kwadru li jirrappreżenta Il-Pentekoste xogħol ta’ Robert Caruana Dingli (1882-1940). Fis-salib imbagħad wieħed isib il-pitturi li jirrappreżentaw lil San Pietru u ta’ Sant’Andrija xogħol l-artist Malti Emvin Cremona (1919-1987) u f’nofshom il kwadru imponenti u ta’ kwalita’ artistika kbira li jirrappreżenta Il Kurċifiss. Dan hu xogħol tal-pittur kbir Malti Giuseppe Cali (1846-1930) u tħallas mill-filantropu Malti Vincenzo Bugeja hekk kif jidher minn kitba li tinsab fin-naħa tal-lemin t’isfel tat-tila. Taħt dan il-kwadru, wieħed isib sotto quadro tas-seklu 18 li jirrappreżenta Id-Duluri.
Fil-kappella tal-Kunċizzjoni wieħed isib it-tila tas-seklu 17 li tirrappreżenta L-Immakulata Kunċizzjoni. Dan il-kwadru, li oriġinarjament kien it-titular tal-kappella ta’ Santa Marija u kien magħruf bħala Santa Marija tal-Virtut, huwa ta’ artist mhux magħruf. Din il-pittura dejjem kienet ta’ importanza devozzjonali kbira għall komunità taż-Żebbuġ. Diversi leġġendi huma marbuta ma’ dan il kwadru, ħafna minnhom relatati mal-interċessjoni tal-Verġni fi żminijiet ta’ saram. Leġġenda minnhom tgħid li l-Madonna tal-kwadru ħaġġret lit-Torok u żammithom ‘il bogħod mir-raħal. Fl-1723, insterqet ġiżirana tad-deheb li kienet imwaħħla mat-tila u l-ħalliel temm ruħu b’idejh. Kien jingħad ukoll li wiċċ il-Madonna fil-kwadru kien isir isfar meta kienet tkun se sseħħ xi traġedja fir-raħal.
Fin-naħa tal-lemin tal-kappella tal-Kunċizzjoni wieħed isib monument li fih il-fdalijiet tal-ewwel Kappillan taż-Żebbuġ Dun Franġisku Vella. Il monument, maħdum mill-alabastru tal-lokal sar fl-1988 bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tat-300 anniversarju mit-twaqqif tal-Parroċċa taż-Żebbuġ mill-Isqof Davide Cocco Palmieri.
Fil-kor wieħed isib il-kwadru titulari, li jirrappreżenta L-Inkurunazzjoni tal-Madonna – li skond l-istoriku G. P. Agius de Soldanis – hu xogħol Francesco de Domenici (1655-1723). Jekk dan hu l-każ, il-kwadru ġie mpitter ftit snin qabel il-mewt tal-artist peress li huwa jissemma għall ewwel darba fir-rapport taż-żjara pastorali tal-Isqof Gori Mancini li seħħet fl-1723.
Fl-1980, waqt ċerimonja solenni fil-pjazza tar-raħal, twaħħlet kuruna tad-deheb fuq ras il-Madonna mill-Isqof t’Għawdex Mons. Nikol Cauchi li tħallset mill-komunita’ taż-Żebbuġ. Għaċ-ċerimonja, li fakkret it-30 anniversarju mid-Domma tal-Assunzjoni, attendew il-Kardinal Mario Luigi Ciappi O.P., Mons. Salvatore de Salvo, Isqof ta’ Nicosia fi Sqallija u Mons. Carlo Urro.
Fl-2022 il-kwadru titulari, ġie restawrat minn RECOOP, ditta tar-restawr ibbażata f’Malta. F’dan l-intervent tneħħew diversi irtokki li saru maż żmien u dan kixef elementi oriġinali tal-kwadru fosthom anġlu ppożizzjonat taħt il-Verġni, li kien moħbi għal seklu jew aktar. Permezz ta’ dan l-intervent ta’ restawr, issa l-kwadru jista’ jiġi apprezzat aktar speċjalment f’dik li hi ħila teknika tal-artist.
Fil-ġnub tal-kwadru titulari wieħed isib żewġ tili eżegwiti mill-artist Malti Emvin Cremona. Dawn jirrappreżentaw Il-Lunzjata u Il Viżitazzjoni. L-abbozz tal-ewwel huwa miżmum b’għożża fil-kollezzjoni tal-knisja.
Fil-kor ukoll, wieħed isib żewġ kwadri lateri kbar li jiirrappreżentaw Il Preżentazzjoni tal-Verġni Marija u It-Twelid tal-Madonna. It-tnejn huma xogħol Antonio Zammit (1830 – 1864), li ġie li ħadem taħt l-artist famuż Malti Tommaso Madiona (1803-1864).
Fuq wara tat-tabernaklu preżenti hemm bieba tal-fidda tas-seklu 18 li kienet il-bieba tat-tabernaklu li kien jeżisti qabel dak attwali. Fuq din il bieba hemm ibbuzzata l-figura ta’ Kristu jżomm is-Salib, ikonografija ispirata minn xogħol importanti tal-artist kbir Taljan Guido Reni (1575- 1642), ikkummissjonat fi żmien il-Kavallieri u li jinsab fil-Kollezzjoni Nazzjonali.
Fil-kappella ta’ San Franġisk Saverju wieħed isib tila bl-istess suġġett ta’ Robert Caruana Dingli u diversi statwi importanti fosthom dik ta’ San Fortunatu Martri, li fiha relikwi ta’ żmien il-persekuzzjoni Rumana u li kienu ġew irregalati mill-familja Mizzi, il-familja tal-politiċi kbar Maltin Fortunatu u ibnu l-Prim Ministru Nerik Mizzi. Fl-istess kappella wieħed isib ukoll Il-Madonna tal-Għażżiel, statwa fina tas-seklu Dsatax maħduma Marsilja u li ġġorr is-simbolu antik tal-Għażżiela. Maħduma ta’ kull sena mill-għaġina u l-melħ, dan is-simbolu jitqassam fil-festa antika ddedikata lill-Għażżiela u jingħad li din tipproteġi lid-djar mis sajjetti. Fl-istess kappella wieħed isib ukoll mafkar lil Salvu Cefai, is-sid tal-għalqa li ta l-alabastru lill-knisja u li bih inħadmu diversi opri.
Fis-salib, fin-naħa ta’ nofsinhar, wieħed isib imbagħad tliet xogħlijiet ta’ Emvin Cremona, wieħed li jirrappreżenta lil Sant’Ursola u ieħor li jirrappreżenta lil San Ġorġ. Dawn it-tili jinsabu fil-ġenb tal-kwadru kbir li jirrappreżenta n-Nawfraġju ta’ San Pawl tal-istess artist u li jinsab fuq artal iddedikat għalih. Dan l-artal kien l-artal maġġur oriġinali tal-knisja qabel ma sar dak preżenti fis-snin ħamsin. Il-kwadru ta’ San Pawl għandu storja interessanti peress li huwa t-tieni li pitter Cremona għal din il-knisja peress li l-ewwel wieħed kien ġie irrifjutat, probabilment minħabba elementi moderni li kien fih. Fortunatament għad jinsab ritratt tal-ewwel kwadru li illum hu mitluf. Jidher li dan kien kwadru importanti u li kien ġa qed juri d-direzzjoni moderna ta’ Cremona, li llum huwa magħruf bħala pijunier tal-arti moderna f’Malta. Il-kwadru preżenti juri li Cremona ppreżenta ikonografija aktar konvenzjonali ta’ San Pawl ibbażata fuq l-istatwa barokka li kien ħadem Melchiorre Cafa’ għall-knisja tal-Belt.
Fil-kappelli tal-ġnub fin-naħa ta’ nofsinhar tal-knisja, wieħed isib il kwadri kbar li jirrappreżentaw Il-Madonna tar-Rużarju u dak ta’ San Mikiel, it-tnejn pitturi ta’ artali mdendla fil-kappelli rispettivi tagħhom. L-artal tal-kappella tar-Rużarju fih il-fdalijiet ta’ Dun Karm Cachia (1882-1950), saċerdot li miet b’fama ta’ qdusija.
Fil-kappella tal-ġenb li tinsab faċċata tal-bieb tat-tramuntana tal-knisja wieħed isib il-Vara l-Kbira, xogħol l-istatwarju Għawdxi Wistin Camilleri (1885-1979). Din tinġarr fil-purċissjoni tradizzjonali tal-Ġimgħa l-Kbira li ssir fiż-Żebbuġ flimkien ma’ statwi oħra maħduma mill-istess statwarju. Fuq il-gallerija tal-orgni wieħed jista’ jsib orgni importanti Taljan, maħdum fl-1926 fi Crema mid-ditta rinomata Milaniża, Pacifico Inzoli e Figli.
Mixja fil-knisja ma tkunx kompluta mingħajr waqfa quddiem l-istatwa titulari ta’ Santa Marija. Kien fl-1863 li l-Kappillan Dun Ġwann Camilleri akkwista din l-istatwa maħduma fil-kartapesta mill-bottega Galard et Fils ta’ Marsilja. Kienet ir-raba’ statwa titulari f’Għawdex u l-ewwel waħda li kellha dan it-titlu. Ħarġet għall-ewwel darba fil-purċissjoni tal istess sena li hija nxtrat. L-istatwa turi ħjiel ta’ l-istil Neo-klassiku u ta’ sbuħija idejalizzata speċjalment fil-poża, l-istil, il-moviment tal panneġġ u anke l-kuluri wżati. Dawn l-elementi huma tipiċi ħafna tax- xena artistika Franċiża fit-tieni nofs tas-seklu 19 fejn l-istil tal Akkademja u tas-Salon kienu jirrenjaw sakemm ġew sfidati bil-kbir mill-artisti Impressjonisti. L-istatwa hija waħda simetrika, bil-Verġni Mbierka b’ideja mifuħa tilqa’ b’ċerta umilta’ il-misteru tal-assunzjoni. Żewġt anġli jeskortaw il-Verġni ma’ kull ġenb filwaqt li żewġ puttini jidhru jħarsu minn sħaba li tinsab taħt saqajn Marija. L-istatwa ġiet restawrata għall-ewwel darba fl-2023 mid-ditt PrevArti waqt il parrokat tal-arċipriet attwali Il-Kan. Ġwann Sultana.
Imxerrdin mal-kappelli tal-ġnub wieħed isib l-Istazzjonijiet tal-Via Sagra, xogħol tal-artist Għawdxi Michele Busuttil (1762 – 1831) Imħarreġ Ruma, Busuttil kien wieħed mill-artisti ewlenin tal-bidu tas seklu 19 u t-taħriġ klassiku tiegħu jista’ jinħass fil-kwadri tal Istazzjonijiet.
Fil-kollezzjoni tal-knisja wieħed isib diversi xogħlijiet importanti. Dawn huma: Il-Madonna tad-Dawl ta’ Gian Nicola Buhagiar (1698-1752), San Franġisk Saverju minn artist mhux magħruf Malti tas-seklu 18 L Adorazzjoni tal-Ewkaristija, ukoll minn artist mhux magħruf. Tila importanti oħra hija ritratt ta’ Giovanni Maria Cini (1859), benefattur li kien ħallas għad-damask tal-knisja, xogħol l-artist Lorenzo Aspetti. Fis sagristija hemm imdendla diversi ritratti tal-kappillani li servew fil parroċċa taż- Żebbuġ. Il-knisja għandha wkoll kollezzjoni antika interessanti ta’ fidda u deheb u diversi objets d’art oħra. Dawn jinkludu statwa tal-fidda tal-Madonna bil-Bambin li nsibu referenzi għaliha lura fl-1736 fir-rapport taż-żjara pastorali mill-Isqof Alpheran de Bussan. Barra minn hekk wieħed isib diversi kalċijiet, pissidijiet, kollezzjoni interessanti ta’ paramenti sagri, kotba u għamara antika. X’uħud minn dawn l-oġġetti ittieħdu fid-Dar tal-Arċipriet biex din tiġi mgħammra aktar.
L-Alabastru taż-Żebbuġ u l-barriera tiegħu
Fl-1980 il-parroċċa bdiet programm twil u ambizzjuż ta’ tisbiħ ta’ ġewwa tal-knisja bl-alabastru li kien instab f’għalqa f’Taċ-Ċaqra fis seklu 18 u li fis-seklu 20 kienet waqgħet f’idejn Salvu Cefai, li kif għedna kien benefattur li offra l-alabastru b’xejn lill-knisja. Sar ħafna xogħol minn dan l-alabastru fosthom l-artal, l-ambone u l-fonti tal magħmudija, kollha xogħol tal-iskultur Malti Ronnie Pisani (1951- 2023). L-artal huwa meqjus bħala l-kapolavur ta’ Pisani u mill-ewwel ġibed mijiet ta’ viżitaturi biex japprezzaw is-sbuħija tal-materjal u x xogħol li fih. Id-disinn tal-artal hu ispirat mis-simboli ewkaristiċi li jingħaqdu flimkien f’erba’ zkuk ta’ dwieli li jiffurmaw forma ta’ mejda. Taħt l-istruttura, wieħed isib bawl b’kalċi u diversi ħobżiet ġo fih. Dawn jikkumplimentaw il-kompożizzjoni simmetrika tal-artal. Il-proġett tal alabastru, flimkien ma’ ħafna proġetti oħra saru fiż-żmien il-parrokkat twil ta’ l-Arċipriet Alwiġ Vella. Imma x’inhi eżatt l-istorja ta’ dan l-alabastru? Skont l-istoriku tas-seklu tmintax, il-Kan. Gian Pietro Agius de Soldanis, fl-1738 fiż-Żebbuġ kien ġie misjub ammont konsiderevoli ta’ alabastru. Jirrakkonta li “xi rġiel kienu qed iġorru l-irħam għall-artali li kienu ġew ordnati għall-knisja parrokkjali u waqt li kienu qed jaqsmu din l-għalqa, ħabtu ma’ blokka kbira ta’ dan l-alabastru mhux maħdum li nkixfet wara xita qawwija. Qassmu l-blat u sabu li kien jikkonsisti f’alabastru…” Huwa jsostni wkoll li f’dan iż-żmien saru ħafna xogħlijiet tal-arti għall-knejjes u l-palazzi. Imma liema huma dawn xogħlijiet tal arti? De Soldanis jispjega li hekk kif infirxet l-aħbar madwar il-gżejjer Maltin dwar is-sejba ta’ dan l-alabastru, il-Gran Mastru Despuig u membri oħra tal-Ordni bagħtu għal xi kampjuni li huma bagħtu barra minn Malta għal aktar analiżi. It-tweġibiet kollha kienu mimlijin kliem ta’ tifħir għal dan il-blat li kien għadu kif instab. Fost ir-reazzjonijiet huwa jagħmel referenza speċjali għal waħda li ġiet minn Franza, dik ta’ Balì Fra Sesto Angelo Dericard D’Aix, raġel ta’ min joqgħod fuqu ħafna mhux biss għax kien fil-militar iżda wkoll għax kellu l-inkarigu li jagħmel il-lapidi. De Soldanis jirrakkonta kif hu kien bagħat kampjun ta’ dan l alabastru għall-analiżi fit-22 ta’ Lulju 1741 lil Dericard D’Aix innifsu. It tweġiba minn Pariġi kienet din li ġejja: “Je vais vous render compte a present de vôtre marbre du Gozo. Le habiles marbriers a qui je l’ait fait voir dissent que c’est de l’alabastre oriental et le trouvent fort beau, d’un grain beaucoup plus dur, plus fin et d’un plus beau polique ceux de Trapano en Sicile. ”
Bil-Malti din it-tweġiba hi kif ġej: “Issa se nagħtikom rendikont tal-irħam tagħkom t’Għawdex. Urejtha lil xi ħaddiema ta’ l-irħam ta’ esperjenza u qaluli li dan huwa rħam orjentali u sabiħ ħafna u ta’ kwalità iktar iebsa u kwalità iktar fina u li jillustra ruħu aħjar minn dak ta’ Trapani.”
Jista’ jkun li l-alabastru taż-Żebbuġ ġie misjub ħafna iktar qabel is-seklu tmintax. Mehrież doppju tal-epoka Rumana li jinsab fil-Mużew tal Arkeoloġija ta’ Għawdex jidher li hu magħmul mill-alabastru taż Żebbuġ.
Hekk kif wieħed jistudja dil-blata, misjuba fiż-żona tas-Sagħtrija u magħrufa lokalment bħala Taċ-Ċaqra, wieħed jista’ jikkonkludi li bħala blata hija tip fin ta’ kalċite bil-vini ta’ lewn l-għasel li hu wkoll imsejjaħ oniċe. Dan it-tip ta’ blat huwa normalment iffurmat meta l-karbonat tal-kalċju jippreċipita minn ġo taħlita ta’ karbonat tal-kalċju maħlul flimkien ma’ l-ilma. Il-karbonat tal-kalċju jiddepożi ruħu f’fetħat kbar fil-blat u hekk jifformaw il-vini ta’ tonalitajiet differenti. Fl-istorja tal-vjaġġaturi bikrin li ġew Għawdex wieħed jinnota li l barriera tal-alabastru taż-Żebbuġ kienet waħda mill-attrazzjonijiet ewlenin li kienu jżuru. Fl-1777, viżitatur importanti żar il-barriera tal alabastru. Dan ma kien ħadd ħlief Jean Pierre Louis Laurent Houël (1735 -1813), pittur, inċiżur u disinjatur Franċiż. Matul il-ħajja twila tiegħu, Houël ra r-renju ta’ Louis XV, ir-Rivoluzzjoni Franċiża, u l perjodu tal-Ewwel Imperu ta’ Napuljun. Houël qatta’ s-snin 1776 sal 1779 jivvjaġġa fi Sqallija, Lipari, u Malta, u wara, abbażi tal-vjaġġ tiegħu, ippubblika sensiela ta’ erba’ volumi ta’ kotba tal-ivvjaġġar mimlijin inċiżjonijiet (1782–1787), u li wieħed minnhom kien iġib l isem ta’ Voyage pittoresque des Isles de Sicile, de Malte et Lipari. F’Għawdex saru diversi opri bl-użu tal-alabastru taż-Żebbuġ.
Fis-seklu 18 sar il-fonti tal-magħmudija tal-matriċi ta’ Għawdex – illum il Katidral ta’ Santa Marija – flimkien ma’ kopja tiegħu biex bħala sett iżejnu b’mod simettriku l-entratura prinċipali tal-knisja. Barra minn hekk l-artal maġġur tal-knisja tal-Madonna tal-Patroċinju fl-Għasri, li qabel kienet parti mill-parroċċa taż-Żebbuġ huwa wkoll magħmul mill istess materjal.
Fuq kollox, hemm possibilita’ li l-istess ġebel ġie użat f’diversi artali tal Knisja Konventwali fil-Belt Valletta – illum Il-Kon-katidral ta’ San Ġwann – u għaż-żewġ kabinetti tat-tip corners li hemm fil-Palazz Verdala. Dawn l-aħħar żewġ possibiltajiet iridu jiġu investigati aktar hekk kif f’Malta wkoll instab materjal simili għal dak taż-Żebbuġ, sewwasew ġewwa Ħad-Dingli.
Għal diversi sekli, il-barriera tal-oniċi kienet minsija kompletament. Jidher li fis-snin tletin tas-seklu għoxrin, kien jidher blat kbir mill-istess materjal, u s-sidien tal-art ta’ dak iż-żmien, Franġisku u Mikiel Agius kienu wrew interess li jagħtu dan il-materjal lill-knisja. Michael Agius kien il-kunjat ta’ Salvu Cefai, li fl-1980 qata’ x-xewqa ta’ Agius li jagħti l-oniċi lill-parroċċa taż-Żebbuġ. Cefai ta permess biex titħaffer l-għalqa hekk kif Ċensu Saliba kien sab il-barriera. Saliba kien inkarigat mill iskavar tal-oniċi u t-trasport tagħhu lejn l-istudjo ta’ Pisani f’Malta. Wieħed mill-ewwel proġetti kien l-artal tal-knisja li rreferejna għalih aktar qabel. Wieħed irid jissottolinja l-patroċinju kollettiv tal komunita’ taż-Żebbuġ flimkien mal-Arċipriet Mons. Alwiġ Vella u tal ħafna individwi li taw somom kbar ta’ flus għall-programm ta’ tisbiħ tal-knisja taż-Żebbuġ bl-oniċi.
Storja Reċenti
Fis-snin disgħin tas-seklu għoxrin beda l-ħsieb li l-knisja tiġi rrestawrata minn barra. Dan sar fiż-żmien l-Arċipriet Kan. Noel Saliba. Ix-xogħol tal koppla sar waqt il-parrokat tal-Arċipriet il-Kan. Reuben Micallef. Ix xogħol ta’ restawr għadu għaddej waqt il-parrokat tal-Arċipriet il-Kan. Ġwann Sultana fejn fost l-oħrajn saret ir-rikostruzzjoni tal-kampnar tat- Tramuntana, li twaqqa’ u nbena mill-ġdid. Dan sar minħabba l-ħsara estensiva li ġarrab il-bini minħabba l-penetrazzjoni tal-melħ, hekk kif il-knisja hija esposta ħafna għall-elementi. Ittieħdet deċiżjoni biex il kampnari jerġgħu jinbnew skont id-disinn oriġinali tas-seklu 19 li ġie mibdul diversi drabi matul l-aħħar seklu.
Għeluq
Wieħed jista’ jgħid bla tlaqliq li l-knisja taż-Żebbuġ hija xhieda ta’ kif l irħula żgħar Għawdxin ipproduċew tempji li huma ferm akbar minnhom. Id-diversi teżori u opri tal-arti li jżejnu l-knisja Matriċi u Arċipretali ta’ Santa Marija jgħaġġbuk speċjalment meta wieħed jikkunsidra l-limitazzjonijiet finanzjarji u demografiċi li kellha l komunita’ taż-Żebbuġ sekli ilu.
Referenzi
Vella, H. C. R. (2018). Żebbuġ of Gozo – Its People, Inscriptions and History. Malta: Print It
Vella, J. (1987 ) Iż-Żebbuġ – Il-Parroċċa ta’ Santa Marija. Malta: Gozo Press.
Riċerka: Mario Cassar
Copyright: Soċjeta’ Banda Santa Marija and Żebbuġ Gozo Local Council Ritratti ħajr lil: Mario Cassar
Rikonoxximenti: The old photos of the church and the onyx quarrying are being reproduced by courtesy of Riħ id-Deheb Historical House and Natural Grotto, Żebbuġ.




















