Waħda mill-karatteristiċi tipiċi tal-pajsaġġi Maltin u Għawdxin huma n- niċeċ tat-toroq li jżejnu d-djar. Dawn in-niċeċ huma ġeneralment magħmula mill-ġebla tal-franka. Madankollu ġie li ntużaw materjali oħra bħall-injam u l-ferro battuto. Normalment in-niċeċ ikun fihom statwa jew f’xi każijiet anke pitturi jew xbihat oħra devozzjonali. In- niċeċ tat-toroq normalment ikunu jew fil-kantunieri tad-djar jew fil- faċċati ewlenin. Dawk tal-kantuniera kienu ngħataw spinta fi żmien il- kavallieri hekk kif fil-Belt Valletta, kienet waħda mir-regolamenti tal- ippjanar li l-kantunieri kellhom jissebbħu bin-niċeċ.
Mat-triqat taż-Żebbuġ wieħed isib diversi niċeċ devozzjonali. Dawn jinkludu n-niċċa ddedikata lill-Qalb ta’ Ġesù (fil-kantuniera bejn Triq Ġoma u Triq Dun Franġisk Vella), dik dekorattiva ħafna ddedikata lill- Madonna ta’ Lourdes (Triq il-Ponta) kif ukoll in-niċċa ddedikata lil Sant’Antnin ta’ Padova (Triq taċ-Ċiċri).
Madankollu, waħda mill-eqdem niċeċ tat-toroq taż-Żebbuġ tinsab fi Triq il-Madonna taċ-Ċiċri, imsemmija propja għall-istess niċċa li tinsab f’din it-triq. Din in-niċċa mhix interessanti biss mill-lat arkitettoniku imma l-bini tagħha hu marbut ma’ leġġenda ta’ sejba “mirakoluża”. Jingħad li fis-seklu 18, sewwa sew fl-1795, raġel imlaqqam Iċ-Ċiċri għamel wegħda lill-Madonna li jekk isib l-ilma f’bir li kien qed iħaffer hu jibni niċċa ddedikata lilha. Fil-fatt hu sab l-ilma u n-niċċa għadha tinsab fil-post oriġinali tagħha biex tirrakkonta din l-istorja ta’ min għamilha.
Imżejna b’elementi klassiċi, in-niċċa hija eżempju tipiku ta’ niċċa vernakulari Maltija tas-seklu tmintax. It-triq fejn tinsab in-niċċa, li llum jisimha Triq il-Madonna taċ-Ċiċri qabel kienet magħrufa bħala Gram Street kif ukoll Triq Ċiċri.
B’kumbinazzjoni, id-dar tinsab eżattament fuq ir-riħ u bi dritt il-barriera tal-alabastru ta’ Taċ-Ċaqra. Is-sors tal-ilma jew vina tal-ilma misjuba miċ-Ċiċri setgħet fil-fatt kienet is-sors li – miljuni ta’ snin ilu – ifformat l-alabastru. Dan tal-aħħar jiġi ffurmat minn taħlita ta’ ilma ġieri u karbonat tal-kalċju li jinżel fil-blat u ftit ftit jifforma is-saffi tal-oniċe.


