Is-Salini

Il-kosta li testendi mill-Qbajjar sa Ras ir-Reqqa hija sinonima mal-produzzjoni tal-melħ. Fil-fatt is-salini storiċi, li għadhom jipproduċu l-melħ, jinsabu f’żona ta’ madwar tliet kilometri. Mill-ajru,  is-salini jidhru qishom checkboard kbira ta’ forom differenti. Kull salina jew ġiebja – li hi tradizzjonalment imsejħa skandlor – għandhom skopijiet differenti f’dik li hi produzzjoni tal-melħ.

Is-salini fix-Xwejni għaddew minn ġenerazzjoni għal oħra u għadhom jinħadmu sallum. Matul ix-xhur tas-sajf, wieħed jista’ jara lin-nies tal-lokal jikinsu il-melħ qabel ma jaħżnuh f’wieħed mill-għerien li hemm fil-madwar.

Il-metodu ta’ kif isir il-melħ permezz tal-evaporazzjoni jmur lura għal żmien il-Feniċi u r-Rumani. Fi żmien l-Ingliżi, il-ġbir tal-melħ kien ħa imbuttatura ‘l quddiem meta l-Gvern offra konċessjonijiet lin-nies  tal-lokal biex jaħdmuhom.

Dawn is-salini tal-melħ ilhom jintużaw għal sekli sħaħ u huma mħaffra fil-blat jew mibnija b’ġebel żgħar imkaħħlin b’tali mod li jżommu fihom l-ilma baħar. Ix-xhur ta’ qabel jibda l-istaġun tal-produzzjoni tal-melħ huma ġeneralment iddedikati għall-manutenzjoni tas-salini.  L-erożjoni tal-ġebel hija waħda mir-raġunijiet għaliex is-salini ssirilhom il-ħsara.

Il-melħ jikkontribwixxi għall-ekonomija lokali u huwa element importanti tal-wirt kulturali tar-reġjun. Il-melħ prodott hawnhekk hu magħruf għall-purita’ u t-togħma unika tiegħu.

Fil-preżent iż-żewġ familji ewlenin li għadhom jipproduċu l-melħ b’metodi tradizzjonali huma l-familji Attard u Cini. It-tnejn li huma għandhom tradizzjoni tal-produzzjoni tal-melħ li tmur lura għas-seklu 19.

Naturalment kif wieħed jasal fil-bajja tax-Xwejni (fuq in-naħa tax-xellug) u jibda jimxi mal-kosta jinnota mill-ewwel is-salina tal-familja Attard l-ikbar waħda mis-salini kollha fil-bajja tax-Xwejni.  Alfred Attard, li fil-preżent huwa l-akbar produttur tal-melħ, wiret ix-xogħol tal-melħ mingħand il-kunjati tiegħu, l-familja Axiaq.  Tgħallem il-metodi tal-ġbir tal-melħ direttament minn għandhom u ilu jagħmel dan ix-xogħol għal aktar minn 50 sena.  L-familja Attard għandha l-ewwel żewġ għerien – bil-bibien ħodor –  fi triq ix-Xwejni li jintużaw għall-ħażna tal-melħ. Fil-passat – illum l-affarijiet tbiddlu minħabba faċilità aħjar ta’ trasport – waħda mid-dati tradizzjonali fil-kalendarju annwali tal-familji Attard u Axiaq kienet tkun il-festa ta’ Sant’Anna li tiġi ċċelebrata fis-26 ta’ Lulju. L-Għawdxin kienu jiġu bi ħġarhom ix-Xwejni biex jixtru provvista ta’ melħ għal sena sħiħa. Il-familji Attard u Axiaq kienu jbiegħu l-melħ minn żewġ postijiet: minn ħdejn is-salini tagħhom (l-ewwel salini fil-bajja tax-Xwejni), fejn normalment kienu jiġu nies min-nofsinhar ta’ Għawdex, kif ukoll minn post ieħor qrib Ras ir-Reqqa – għax hemmhekk l-istess familja għandha salini oħrajn sal-lum –  u hemm kienu jiġu raħħala mit-tramuntana tal-gżira. 

Minkejja x-xogħol iebes involut fil-produzzjoni tal-melħ, il-familja Attard speċjalment Alfred għadu jieħu pjaċir jagħmel dan ix-xogħol u fuq kollox kburi bil-kwalita’ tal-prodott tiegħu.  Bint Alfred, Marilyn Attard, qed taspira li tkompli wkoll fuq dan ix-xogħol flimkien ma’ żewġha Shaun.  Riċentement, fl-2023, Alfred Attard  u l-kumpanija tiegħu: Natural Xwejni Sea Salt kien strumentali biex flimkien mas-Soċjetà Filarmonika Santa Marija (Żebbuġ) u bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ ġiet organizzata l-ewwel edizzjoni tal-Festival tal-Melħ li qatt sar fil-gżira ta’ Għawdex.  Dakinhar fil-preżenza ta’ diversi nies Alfred Attard ġie intervistat minn Mario Cassar. F’din l-intervista interessanti ħafna dwar l-esperjenza li huwa għandu f’dan il-qasam tal-melħ, fost diversi affarijiet oħra Attard qal:

“L-istaġun tal-ġbir tal-melħ mis-salini jibda f’April, wara li jkun sar il-proċess tal-manutenzjoni fuq il-mellieħa (s-salina), l-melħ jibda jinġabar darba fil-ġimgħa sa Settembru. Sabiex tiġi evitata x-xemx tisreġ tas-sajf, il-melħ normalment niġbruh qabel iż-żerniq.”

Prattikament, il-proċess tal-ġbir tal-melħ jikkonsisti, l-ewwel billi l-ilma baħar jiġi ppumpjat fi ġwiebi kbar (li jgħidulhom sklandori) – illum permezz ta’ pompi mekkaniċi – hemmhekk, l-ilma baħar isir konċentrat ħafna u l-istess ilma eventwalment jitpoġġa fis-salini.  Hekk kif l-ilma baħar jinxef ġos-salini, jkun imiss li l-melħ prodott jiġi miknus u mbarraġ fi braġ kbar. Imbagħad l-melħ jimtela fi bramel apposta li fihom ikun jista’ jissaffa mill-ilma baħar filwaqt li jinġarr biex jinħażen ġewwa l-għerien.  Fl-għerien il-melħ isirlu proċess ieħor importanti li jieħu ftit ta’ żmien fejn jissaffa b’mod naturali minn sustanza likwida mielħa ħafna permezz ta’ sistema ta’ kanali magħmula apposta fil-blat (li jkunu taħt il-melħ) u jiġbru dan l-ilma mielaħ f’bir żgħir.   Wara dan il-proċess kollu l-melħ ikun lest biex jinbiegħ u eventwalment jiġi poġġut f’pakketti apposta biex jinbiegħ fil-ħwienet u lin-nies inġenerali. 

Ovvjament dan ix-xogħol fis-salini jkompli sakemm jintemm l-istaġun, li jispiċċa fl-aħħar ta’ Settembru. Illum l-aktar għodod li jintużaw fil-produzzjoni tal-melħ huma: xkupi  u pali għall-knis tal-melħ, il-bramel u l-menza biex il-melħ jinġabar postu fl-għerien, u l-pompa mekkanika.

Għalkemm il-xogħol tal-melħ jidher sempliċi, hemm ħafna fatturi li jistgħu jagħmlu ħsara lill-produzzjoni tiegħu. Eżempji ta’ dawn jinkludu r-riħ isfel l-aktar il-punent, l-umdità, l-maltempati u x-xita, kif ukoll in-nies li jidħlu fuq is-salini u jikkontaminaw il-melħ.

Produtturi oħrajn tal-melħ huma l-familja Cini li ilha bin-negozju tagħha sa mill-1860. Josephine Xuereb hija il-ħames ġenerazzjoni mill-familja li qed tkompli t-tradizzjoni t’ ommha Rosa. Il-familja tagħha huma sinonimi mal-melħ.

Josephine tirrakkonta: “Missieri Manuel huwa magħruf mad-dinja kollha bħala ‘Leli Tal-Melħ’. Hu ilu jipproduċi l-melħ mill-1969, wara li żżewweġ lil ommi Rosa u flimkien bdew mill-ġdid in-negozju tal-melħ tal-familja tagħha. Il-produzzjoni tal-melħ kienet qed tmut ftit ftit, l-aktar minħabba x-xogħol iebes li jinvolvi. Imma wara li ommi ltaqgħet ma’ missieri, għalmitu s-sengħa. Apparti li ħabbew lil xulxin, huma qasmu ma’ xulxin l-imħabba għal dan ix-xogħol tal-melħ u ż-żmien għadda sew.  Illum, 50 sena wara,  t-tnejn għadhom jaħdmu fil-ġbir tal-melħ. Il-melħ bħal ippreserva l-imħabba ta’ bejniethom if ukoll żamm ħaj il-kummerċ tiegħu!”

Josephine tqabbel il-produzzjoni tal-melħ max-xogħol delikat tal-bizzilla. Filwaqt  f’din tal-aħħar jintuża l-ħajt tal-ħarir, l-istess, fil-produzzjoni tal-melħ hemm bżonn li tlett elementi naturali jaħdmu flimkien f’sintonija: dawn huma x-xemx, il-baħar u r-riħ.

Il-viżitaturi tas-salini jistgħu jesploraw iż-żona, josservaw il-proċess tal-produzzjoni tal-melħ – matul żminijiet speċifiċi tas-sena – u jgawdu mixjiet tassew sbieħ u pjaċevoli matul il-kosta kollha tax-Xwejni. Dan huwa wkoll post popolari għall-fotografija, speċjalment waqt tlugħ u nżul ix-xemx.

Waqt li żżur is-salini huwa importanti li tirrispetta s-sinjali u tevita li timxi direttament fuq is-salini. Żoni privati ​​li huma mmarkati bħala tali m’għandhomx jiġu mittiefsa.

Ritratti ħajr lil:

Soċjeta’ Banda Santa Marija, Żebbuġ Gozo Local Council, Alfred Attard – Natural Xwejni Sea Salt, u Xwejni Salt Leli tal-Melħ.

Riċerka: Mario CassarCopyright: Soċjeta’ Banda Santa  and Żebbuġ Gozo Local Council

Dwar l-awtur tar-riċerka tal-Heritage Trail

Mario Cassar twieled iż-Żebbuġ fl-1975. Huwa artist, edukatur, disinjatur u kollezzjonist. Huwa gradwat fl-istorja tal-arti, fil-Malti u fil-pedagoġija artistika f’livell ta’ Masters ġewwa l-Universita’ ta’ Malta. Ilu jmexxi s-sezzjoni tal-arti viżiva ta’ Sir M. A. Refalo Sixth Form mill-1997, fejn hu lettur. Għallem f’diversi fakultajiet u ċentri tal-Universita’ ta’ Malta, fejn fost l-oħrajn għallem il-filosofija tal-arti, id-disinn kontemporanju u l-apprezzament tal-arti u tal-antikita’. Huwa membru fundatur tas-Soċjeta’ Filarmonika Banda Santa Marija u ex-viċi sindku taż-Żebbuġ. Huwa wkoll il-kuratur tad-dar storika Riħ id-Deheb. Huwa miżżewweġ lil Pauline u għandu żewġt itfal.