Ix-Xelter tat-Tieni Gwerra Dinjija

air-shelter

Dan ix-xelter, li jinsab fi Triq iż-Żebbuġ, kien tħaffer fil-blat fiż-żona  msejħa t’Abram, ftit metri ‘l bogħod mid-daħla tar-raħal hekk kif tkun  ġej mill-belt Victoria, biex iservi ta’ kenn għar-residenti taż-żona waqt  l-attakki mill-ajru fit-Tieni Gwerra Dinjija.

Minkejja li ż-Żebbuġ innifsu ma kellux postijiet strateġiċi li jiġu  attakkati, hu kellu fil-qrib il-fanal ta’ Ġordan li kien bażi għall-R.A.F. u  tan-Navy Ingliża u għalhekk mhux l-ewwel darba li ajruplani Ġermaniżi  u Taljani kienu jattakkaw l-inħawi.

Ix-xelters tal-gwerra f’Għawdex kienu tħaffru bejn l-1941 u l-1942.  Minn 170 xelters, 20 kienu ġewwa r-Rabat, il-belt kapitali filwaqt li l bqija kienu mxerrdin fil-bqija tal-gżira.

Ix-Xelter t’Abram għandu pjanta sempliċi f’forma ta’ “U” b’żewġ  entraturi li jwasslu għall-parti ċentrali fejn kienu joqgħodu n-nies. Kien  important ħafna li xelter jkollu żewġt entraturi biex jekk waħda tiġi  mblukkata mir-radam f’każ ta’ attakk ikun fadal oħra li minnha jkunu  jistgħu joħorġu n-nies. Apparti hekk kull entratura għandha daħla fil ġenb u għalhekk id-daħliet tax-xelter ma jagħtux direttament għat triq biex jiġi evitat il-blast dirett tal-bombi jekk dawn jaqgħu fil-viċinanzi. Maġenb waħda mid-daħliet wieħed jista’ jara kurċifiss imnaqqax fil blat. Dan tnaqqax minn Antonio Cini (1926-1998) magħruf bħala tas Sempri, miż-Żebbuġ, li kien wieħed mill-ħaddiema li ħaffru x-xelter u li  uża l-għodod tat-tħaffir stess biex naqqax il-kurċifiss. Fiż-żmien it-Tieni  Gwerra Dinija, Cini kien jaħdem mad-Dipartiment tax-Xogħlijiet ġewwa  Malta, fejn ma’ sħabu kien imqabbad inaddaf it-tiġrif tal-bini mit-toroq  wara l-attakki mill-ajru u jħaffru x-xelters. Immedjatament malli spiċċat  il-gwerra, Cini flimkien ma’ martu Salvina, imwielda Birkirkara, u l familja emigra lejn l-Awstralja. Fl-aħħar tas-snin tmenin Cini kien reġa’  żar ix-xelter u kkonferma t-tagħrif hawn imsemmi.

Imma wieħed jistaqsi, x’kien jiġri waqt attakk mill-ajru? Mad-daqq tas sirena, n-nies tal-madwar, u t-tfal li kienu jkunu fil-klassijiet tal-iskola f’parti minn Triq il-Ponta, illum Triq Dun Franġisk Vella, kienu jinħarġu jiġru lejn ix-xelters tal-madwar biex jistkennu mill-attakki tal-għadu. Vella (2018) jsemmi kif fl-1942, wara li l-istudenti bniet kienu ġew  trasferiti fl-iskola tas-subien li kienet tinsab ukoll fl-istess triq, it-tfal tal iskola ittieħdu għall-kenn tax-xelters ta’ l-anqas fi tlett okkażjonijiet, jiġifieri it-2, id-9 u t-12 ta’ Ġunju ta’ l-istess sena.

Illum ix-xelter jinsab taħt il-kura tal-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ, li fl-2005  naddaf u rrestawra biex ikun jista’ jiġi viżitat u apprezzat mill-pubbliku. Id-dħul hu bla ħlas. Peress li parti mill-kuriduri tax-xelter huma baxxi, wieħed irid joqgħod attent li jimxi baxxut u juża t-torċijiet matul il xelter.

Referenzi
Riċerka: Mario Cassar
Copyright: Soċjeta’ Banda Santa and Żebbuġ Gozo Local Council
Referenzi: Vella, H. C. R. (2018). Żebbuġ of Gozo – Its People, Inscriptions and History. Malta: Print It
Ritratti ħajr lil: Mario Cassar
Rikonoxximenti: Ħajr: Arkivju ta’ Riħ id-Deheb għar-ritratti antiki ta’ Antonio Cini u l-familja u tal-istudenti fl-iskola l-qadima.

Dwar l-awtur tar-riċerka tal-Heritage Trail

Mario Cassar twieled iż-Żebbuġ fl-1975. Huwa artist, edukatur, disinjatur u kollezzjonist. Huwa gradwat fl-istorja tal-arti, fil-Malti u fil-pedagoġija artistika f’livell ta’ Masters ġewwa l-Universita’ ta’ Malta. Ilu jmexxi s-sezzjoni tal-arti viżiva ta’ Sir M. A. Refalo Sixth Form mill-1997, fejn hu lettur. Għallem f’diversi fakultajiet u ċentri tal-Universita’ ta’ Malta, fejn fost l-oħrajn għallem il-filosofija tal-arti, id-disinn kontemporanju u l-apprezzament tal-arti u tal-antikita’. Huwa membru fundatur tas-Soċjeta’ Filarmonika Banda Santa Marija u ex-viċi sindku taż-Żebbuġ. Huwa wkoll il-kuratur tad-dar storika Riħ id-Deheb. Huwa miżżewweġ lil Pauline u għandu żewġt itfal.