L-istorja arkeoloġika taż-Żebbuġ għadha fil-biċċa l-kbira tagħha mhix studjata. Hemm diversi referenzi f’diversi pubblikazzjonijiet, li x’uħud minnhom imorru lura għas-seklu 18 li jsemmu sejbiet importanti fiż-Żebbuġ. Dawn jinkludu lil Aguis de Soldanis li jsemmi s-sejba ta’ statwa tal-alabastru li tirrappreżenta lil Dea Flora fiż-żona magħrufa bħala It-Taflija u struttura megalitika fl-istess lokalita’. Imbagħad l-arkeologu magħruf Malti Dun Manwel Magri (1851-1907) jsemmi “Il-Ġgantija taż-Żebbuġ” f’rapport tal-1905. S’issa ħadd ma rnexxielu jsib dan is-sit.
Żewġ ħitan ta’ Żmien il-Bronż, wieħed fuq l-għolja Ta’ Kuljat u ieħor fiż-żona Ta’ Dun Wistinu, ‘il ġewwa minn Triq Dun Franġisk Vella, ġibdu l-attenzjoni ta’
diversi arkeoloġi u studjużi fosthom l-arkeologu Ingliż David Trump li żar is-sit fil- Ponta flimkien mal-fotografu Daniel Cilia u Mario Cassar.
Wieħed jista’ jgħid li ż-żona t’ Għajn Mhelhel hija ta’ potenzjal arkeoloġiku qawwi. Wieħed ma jridx jinsa li mhux ‘il bogħod ħafna, propju fi Triq Għajn Mhelel, fl-1986 instabu l-fdalijiet ta’ xi ħdax-il skeletru uman – datati ċ. 3000 Q.K. – waqt xogħol fuq sistema ġdida tad-drenaġġ.
Rigward l-oqbra Puniċi, f’għalqa li tintlaħaq minn Triq Għajn Mhelhel, l-istoriku Dr Orazju C. R. Vella innota sies ta’ ġebel safrani li fih darba nstabu oqbra Feniċi maqtugħa fil-blat. Dawn iżda kienu mimlija bil-ġebel u l-ħamrija. Żjara fiż-żona twassal għal diversi għerien li setgħu kienu jintużaw għad-dfin fi żmien il-Feniċi. Dawn l-oqbra huma mxerrdin maż-żona li minn Għajn Mhelhel tagħti sa Wied il-Qbajjar (li propju tfisser qabar żgħir), u lilhinn minnu. Normalment oqbra bħal dawn kienu jkunu għerien maqtugħa fil-blat, anke fil-franka li kienu anke jinkludu maqgħad imqatta’ fil-blat intenzjonat biex jitpoġġa fuqu l-ġisem mejjet. Hafna minn dawn l-għerien ġew alterati maż-żmien u ħafna ttieklu bil-melħ.
Għajn Mhelhel huwa wieħed mill-ewwel postijiet fiż-Żebbuġ li ġie dokumentat fl-antik. Dokumenti fl-Arkivji tal-Istat ta’ Palermo jinkludu ittra tat-2 ta’ Jannar 1375 li tagħmel referenza għall-flus tal-kera li kellhom jinġabru mingħand Percollus de Bonfilio li kien jieħu ħsieb l-artijiet ta’ Għajn Mhelhel u li kellu uqija waħda. Referenza oħra għal Għajn Mhelhel ġejja minn dokument mibgħut lill- Kanċellarija f’Palermo li fih fl-1478, Mastru Lawrenz De Guaglardo alias de Suria, minn Għawdex, kien talab il-kiri ta’ biċċa art bl-isem ta’ Għajn Mhelhel fiż- Zabuchi, referenza antika għar-raħal taż-Żebbuġ.
Iż-żona tal-oqbra puniċi hija waħda mill-eqreb postijiet għal Sqallija u l-kosta tagħha setgħet kienet il-post fejn l-ewwel abitanti ta’ Malta waslu fiż-Żmien Neolitiku.
Referenzi
Cini, S. (2015) Is-Sejba ta’ Għadam Uman u Materjal Preistoriku fiż-Żebbuġ
Għawdex fl-1986. In L-Għolja taż-Żebbuġ. Vol. 73. Malta: Gozo Press
Vella, H. C. R. (2018). Żebbuġ of Gozo – Its People, Inscriptions and
History. Malta: Print It
Riċerka: Mario Cassar
Copyright: Soċjeta’ Banda Santa Marija and Żebbuġ Gozo Local Council
Ritratti ħajr lil: Leo Cefai







