L-istorja politika miktuba t’Għawdex tmur lura għal żmien il-Feniċi u r-Rumani, u matul is-sekli, għajr għal ftit eċċezzjonijiet żgħar, wieħed jista’ jgħid li l-istess storja tal-gżira kienet magħġuna ma’ dik ta’ Malta b’mod intimu ħafna. Huwa interessanti, li l-irħula Għawdxin, minkejja ċ-ċokon tagħhom għandhom imbagħad l-istejjer tagħhom, fatt li juri li anke l-iżgħar postijiet jistgħu jkunu mikrokożmi tar-realta’ akbar li hi Malta, jekk mhux ukoll tar-reġjun kollu li jdawwarna.
Iż-Żebbuġ mhux eċċezzjoni. Għalkemm l-istorja politika tar-raħal fid-dettall għadha trid tinkiteb, xorta hemm avvenimenti li sawwru l-identita’ politika tar-raħal. Wieħed ma jistax isemmi l-involviment tal-lokalita’ fil-qawmien kontra l-Franċiżi. Martin Axiaq u Dott. Giuseppe Grima mexxew tmien gruppi li kienu jammontaw għal 71 raġel flimkien ma’ 53 oħra. Dawn kienu jgħassu l-inħawi taż-Żebbuġ u tal-Għasri.
Aktar reċenti fis-seklu 19, sewwa sew fl-1814, il-gvern Ingliż kien appunta mexxejja lokali jew sindki f’kull raħal. Għaż-Żebbuġ kien intagħżel Vincenz Mizzi u warajh Mikiel Anġ Refalo. Iż-Żebbuġ kellu wkoll rabta storika mal-familja Mizzi li minnha ħarġu Fortunato Mizzi, mexxej tal-Partit Anti-Riformist u ibnu Nerik Mizzi, li kien prim ministru ta’ Malta. Apparti d-dar li kellha l-familja Mizzi fi Triq Għajn Mhelhel, ir-rabta tagħha maż-Żebbuġ laħqet il-qofol tagħha meta l-istess familja rregalat il-Korp Sant ta’ San Fortunatu, qaddis li jġib l-isem ta’ diversi membri tal-familja Mizzi.
Fl-1921, minħabba l-kostituzzjoni tas-Self Government Malta saret elezzjoni. Insibu li fiż-Żebbuġ 20 raġel biss kellhom id-dritt li jivvutaw f’din l-elezzjoni. Fl-1948, il-furnar Żebbuġi Franġisk Camilleri ġie elett fil-parlament Malti bħala deputat mal-Partit ta’ Jones. Sfortunatament huwa miet għall-għarrieda ftit xhur wara.
Għall-aħħar tas-seklu għoxrin iż-Żebbuġ ra żvilupp kbir fil-parteċipazzjoni politika tiegħu. Dan għaliex fit-23 ta’ Novembru 1992, permezz tal-Att dwar il-Gvern Lokali twaqqfu l-Kunsilli Lokali. Wara li l-Att ġie approvat mill-Parlament Malti fl-14 ta’ Ġunju 1993 u ffirmat mill-President ta’ Malta fit-30 ta’ Ġunju ta’ wara. Dan l-iżvilupp politiku, li kien intenzjonat biex iżid id-deċentralizzazzjoni ħalla effetti pożittivi kbar fuq irħula żgħar bħaż-Żebbuġ. Irħula bħaż-Żebbuġ dejjem batew minħabba ċ-ċokon tagħhom.
L-ewwel elezzjoni għall-Kunsill Lokali fiż-Żebbuġ saret fl-14 ta’ Mejju 1994. L-ewwel sindku li ġie elett kien is-Sur Michael Cefai. It-twaqqif tal-Kunsill ġab bidla kbira fit-tmexxija taż-Żebbuġ, li f’dan iż-żmien kien beda jiġi magħruf aktar bħala lokalita’ aktar milli raħal. Iż-Żebbuġin bdew jipparteċipaw aktar fit-tmexxija tal-lokalita’ u allura fil-proċess demokratiku. Bdew jelleġġu r-rappreżentanti tagħhom u dan ta liż-Żebbuġ identita’ ġdida, arma ġdida, limiti ġodda li issa bdew jinkludu lil Marsalforn kollu. Magħhom ġew opportunitajiet għar-rappreżentanti Żebbuġin biex jamministraw fondi kemm nazzjonali kif ukoll Ewropej u li bihom saru diversi proġetti ta’ fejda. Bħala konfini, iż-Żebbuġ sar l-akbar lokalita’ f’Għawdex.
Wara li l-Kunsill Lokali Żebbuġ fetaħ uffiċċju ġewwa l-iskola primarja, għadda ż-żmien u ġie deċiż li jinfetaħ uffiċċju fi triq aktar ċentrali biex hekk jaqdi aħjar lir-residenti kemm taż-Żebbuġ kif ukoll ta’ Marsalforn. Għalhekk inkera dan il-post fi Triq il-Knisja, li hija s-sede tal-Kunsill Lokali.
L-uffiċċju tal-Kunsill qiegħed fuq tlett sulari. Fis-sular tan-nofs wieħed isib il-front desk u l-uffiċċju tas-Segretarja Eżekuttiva kif ukoll tas-Sindku filwaqt li fuq hemm is-Sala tal-Laqgħat fejn jiltaqa’ l-Kunsill Lokali. Il-kantina kienet tranġat f’Youth Hub b’fondi tal-gvern mirbuħa mill-Kunsill Lokali taż-Żgħażagħ fl-2014.
Il-Kunsill Lokali preżenti hu kompost kif ġej:
Dr. Marlene Cini – Sindku
Is-Sra Sandra Grech – Viċi sindku
Is-Sur Daniel Cordina- Kunsillier
Is-Sur Baskal Saliba – Kunsillier
Is-Sur Nicky Saliba – Kunsillier
Is-Segretarja Eżekuttiva hija s-Sra Odette Camilleri.
Il-Kunsill Lokali Żebbuġ jista’ jiġi kkuntattjat fuq (+356) 21563056 jew fuq email [email protected]
Referenzi
Bezzina, J. (2005). Gozo’s Government. Malta: A&M Printing
Vella, H. C. R. (2018). Żebbuġ of Gozo – Its People, Inscriptions and History. Malta: Print It
Riċerka: Mario Cassar
Copyright: Soċjeta’ Banda Santa Marija and Żebbuġ Gozo Local Council
Ritratti ħajr lil: Mario Cassar
Ħajr: Ir-ritratti tal-Kunsilliera Lokali taż-Żebbuġ matul is-snin qed jiġu riprodotti grazzi għall-istess Kunsill Lokali taż-Żebbuġ Għawdex












