Ras ir-Reqqa huwa wieħed mill-aktar postijiet pittoreski f’Għawdex. Huwa promontorju żgħir għall-ponta u jinsab direttament taħt ir-raħal taż-Żebbug, fil-punent tas-Salini tax-Xwejni. Ras ir-Reqqa huwa sit ta’ Natura 2000 u huwa indikat bħala żona ta’ konservazzjoni speċjali u żona ta’ protezzjoni speċjali.
Apparti s-sbuħija naturali, dan il-post huwa wkoll sinonimu ma’ diversi attivitajiet fosthom is-sajd, il-produzzjoni tal-melħ u l-passatemp tal- għadis.
Is-sikka tar-Reqqa tinżel sa fond ta’ 17-il metru lejn il-punent taħt l- ilma min-naħa tax-xellug tal-punt tar-Reqqa. Għalhekk huwa baxx fuq in-naħa tax-xellug iżda aktar fil-fond lejn il-lvant fejn is-sikka hija kkaraterizzata minn ħafna xquq u daħliet u twassal għall-qiegħ ramli li joffri spettaklu naturali mill-isbaħ.
F’dak li hu għadis, Ras ir-Reqqa hija probabbilment l-aktar żona popolari fil-kosta tat-tramuntana ta’ Għawdex minħabba t-topografija spettakolari ta’ taħt il-baħar li tinkludi sikka sabiħa mimlija ħajja, blat enormi, ċmieni mdaqqsa, waqgħat vertikali u ħajja marina varjata u abbundanti. Dawn huma wħud mill-karatteristiċi li jagħmlu dan is-sit wieħed mill-aqwa siti ta’ għadis f’Malta. Fost il-ħut li jgħammar f’din iż-żona wieħed isib iċ-ċerna, d-denċi, l-baqra u l-lizz.
Fl-1622 il-Granmastru Alof de Wignacourt waqqaf stazzjon ta’ sentinella f’din iż-żona. Hija kkumplimentat diversi fortifikazzjonijiet mibnija ħdejn ix-Xwejni u Marsalforn u li għamlu din il-parti tal-kosta Għawdxija aktar sigura.
Reċentament ġie deċiż li fl-inħawi titwaħħal skultura tal-bronż maħduma mill-artist Għawdxi Austin Camilleri (1972- ). Fi kliem l-artist stess, l-iskultura, f’forma ta’ żewġt iżwiemel imdaħħlin f’xulxin u intitolata Wieħed, hija maħsuba biex tirrifletti l-istruttura tal-grotta li hemm taħt il-wiċċ tal-irdum.
Is-Salini tal-Arluġġar

Is-Salini tal-Arluġġar ġew dokumentati mill-artist u vjaġġatur kbir Franċiż Jean-Pierre Louis Laurent Houël (1735-1813) li, fil- pubblikazzjoni tiegħu ta’ tmiem is-seklu 18 li ġġib l-isem ta’ Voyage Pittoresque dans les Iles de Sicile, de Malte et de Lipari, jagħmel referenza dettaljata tal-post u l-proġett tal-melħ. Skont l-awtur dawn jinsabu “bejn ix-xaqliba tat-tramuntana u tal-punent tal-għolja taż-Żebbuġ fejn il-wied iwassal għall-kosta. Dan il-post jista’ jintlaħaq minn medda twila ta’ art li twassal lejn il-kosta li hija madwar erbgħin pied ‘il fuq mill-livell tal-baħar.” Ir-rakkont ta’ Houël jagħmel ukoll referenzi għall-intrapriża diżastruża ta’ min għamel dawn is-salini. Dan tal-aħħar, aktarx arluġġar Malti irtirat ipprova jagħmel gwadann finanzjarju minn biċċa art li kellu f’din l-inħawi taż-Żebbuġ billi beda attività li tipproduċi l-melħ. Ħaffer ġibjun u sett ta’ salini baxxi bil-għan li jimtlew bl-ilma baħar u permezz tal-evaporazzjoni fil-ġranet sħan tas-sajf, jiġi prodott il-melħ. L-arloġġar anke impjega numru ta’ nies biex jassistuh f’din l- intrapriża. Ftit wara li nbeda x-xogħol huwa induna li l-mili tal-ġibjun bl-ilma baħar kien diffiċli ħafna peress li kien hemm l-għoli biex jittella’ l-ilma baħar. L-arluġġar iddeċieda li jħaffer xaft vertikali direttament fil- baħar hekk kif induna li l-ġibjun kien qiegħed direttament fuq għar naturali li kien iwassal direttament fil-baħar. Din kienet sa ċertu punt ideja tajba għax hekk il-ġibjun seta’ jimtela faċilment bl-ilma baħar. Hekk kif dan ix-xaft tqatta’, malajr qamet problema kbira, hekk kif l- ilma fis-salini beda jinxef u hekk il-melħ ma setax jiġi prodott. Jidher li l-blat fejn inqatgħu l-salini kien poruż wisq biex iżomm l-ilma. Irriżulta li l-proġett kien falliment sħiħ. Biex tgħaxxaq, ix-xitwa ta’ wara, mewġ kbir ħabat ma’ fl-għar ta’ taħt u ħarġet kolonna ta’ ilma għolja 60 pied minn ġol-xaft li ħaffer l-arluġġar. L-ilma baħar ittajjar mir-riħ fuq l- għelieqi tal-madwar u qered għal kollox l-uċuħ tar-raba’. Il-bdiewa fettxew lill-arloġġatur u talbuh kumpens finanzjarju għall-ħsara li kienu ġarrbu. Din kienet sitwazzjoni devastanti għall-arloġġar tant li miet qabel ma’ nqata’ l-każ. Il-bdiewa ddeċidew li jimblukkaw ix-xaft bi blat enormi li tkissru bil-mewġ u li wassal biex il-kolonna tal-ilma terġa’ titfaċċa diversi drabi.
Riċerka: Mario Cassar
Copyright: Soċjeta’ Banda Santa and Żebbuġ Gozo Local Council