Hekk kif wieħed jasal l-iskola primarja taż-Żebbuġ minn Triq Sant’Indrija forsi ma jindunax bl-importanza ta’ dan il-bini. Hekk kif tara quddiemek xatba tal-ħadid, ħitan għolja tal-ġebel u dak kollu li hemm fil-madwar, wieħed irid iħares sew ġewwa biex jinduna bl-ispazju majestuż ta’ din l-iskola. Binja fuq stil modernista, b’forma ta’ “U”, l-iskola primarja taż-Żebbuġ hija struttura magħmula minn kuriduri twal imsaqqfin fuq ringieli ta’ kolonni tal-konkos magħqudin permezz ta’ turġien. Il-ġmiel ta’ din il-binja jitgawda l-aktar jew matul il-ġranet xemxija jew bil-lejl fid-dawl ta’ qamar kwinta, fejn id-dellijiet li jiġu ffurmati mill-istrutturi ripetuti tal-binja huma interessanti ħafna. Dan l-effett ikompli jissaħħaħ permezz tal-binja li wieħed jara fuq il-lemin, struttura weħidha mdawwra bi ġnien imdaqqas u li oriġinarjament kienet il-workshop tal-iskola u aktar tard kienet tintuża wkoll bħala gym. Din il-binja żżid l-effett assimetriku tal-iskola li bħala binja tfakkrek fl-idejoloġiji tal-iskola tal-Bauhaus u t-twemmin tal-perit Franċiż Le Corbusier. Fin-nofs imbagħad wieħed jista’ jara grawnd kbir li fih lagħbu t-tfal Żebbuġin sa mill-inawgurazzjoni tal-iskola fl-1958. Huwa jintuża wkoll mill-klabb lokali tal-futbol, Żebbuġ Rovers F.C. – imwaqqaf fl-1975.
Skola Ġdida
Qabel ma nbniet din l-iskola, il-klassijiet fiż-Żebbuġ kienu siru fi tlett idjar mikrija, tnejn fi Triq il-Ponta, illum Triq Dun Franġisk Vella u waħda fi Triq Għajn Mhelhel.
Mibnija fuq pjanta tal-perit u inġinier kbir Malti, Joseph G.Huntingford (1926-1994), l-iskola l-ġdida taż-Żebbuġ kienet magħrufa bħala The Government Primary Mixed School Żebbuġ u nbniet mill-imgħallem Vitor Vella.
L-iskola kienet ġiet inawgurata fis-6 t’April 1958 mis-Sinjorina Agatha Barbara, dakinhar ministru tal-edukazzjoni. Hija tbierket mill-arċipriet taż-Żebbuġ il-W.R. Dun Franġisk Mercieca, fil-preżenza ta’ diversi uffiċjali edukattivi. L-ewwel surmast fl-iskola l-ġdida kien is-Sur Francis Scicluna.
Disinn li jinsab fil-privat u li kien fid-dar ta’ Maria Antonia Vella, edukattriċi u uffiċjal edukattiv miż-Żebbuġ, kien fih nota li tgħid li l-iskola l-ġdida kienet ispirata mill-arkitettura moderna Brażiljana. Fil-fatt il-pjanta ta’ Huntingford bl-użu tal-konkos turi qrubija kbira max-xogħol tal-perit kbir modernist Brażiljan Oscar Niemeyer (1907-2012), speċjalment mal-Paviljun tal-Brażil li kien inbena fi New York għall-Fiera Mondjali tal-1939.
L-iskola taż-Żebbuġ tgawdi veduta mill-aqwa mill-galleriji li hemm fuq ir-riħ tal-playfield jew kien magħruf fil-passat is-Sies t’Abram. Minn hemm wieħed jista’ jara il-bajjiet tax-Xwejni, tal-Qbajjar u Marsalforn flimkien mal-għoljiet ta’ Kuljat u tad-Dabrani, u dan bla ma l-bini tagħha tellef b’xi mod id-dehra mill-bogħod tar-raħal taż-Żebbuġ.
L-iskola primarja hija eżempju tipiku tal-bini ta’ Huntingford li fis-snin ħamsin u sittin tas-seklu għoxrin biddel il-wiċċ t’Għawdex permezz ta’ arkitettura modern ta’ lewn abjad, li ħafna minnha llum hija protetta bħala bini skedat. Proġetti kbar li ddisinja l-istess perit jinkludu l-fabbrika tal-ħalib fi Triq l-Imġarr – illum magħruf bħala l-Gozo Innovation Hub, il-Gozo Museum – oriġinarjament il-Liċeo t’Għawdex u l-iskola primarja tal-Qala, li hija meqjusa bħala l-aqwa skola tiegħu ġo Għawdex. Il-pjanti tiegħu għall-iskejjel Għawdxin, inkluż dik taż-Żebbuġ, ma kellhomx x’jaqsmu xejn mal-bini tipiku lokali jew ma’ l-arkitettura taż-żmien l-Ingliżi, fejn l-iskejjel aktar kienu jfakkruk f’istituzzjonijiet bħal ħabsijiet. Il-ħamsinijiet kien żmien innovattiv għall-arkitettura f’Malta hekk kif il-pajjiż kien qed jinbena mill-ġdid wara l-qerda li kienet ġabet it-Tieni Gwerra Dinjija.
Binja kbira u arjuża, bil-faċċata mżejna b’mużajk kkulurit ġeometriku – li llum intilef għal kollox, l-iskola l-ġdida kienet proġett ta’ fejda kbira għar-raħal Barokk taż-Żebbuġ. Kien proġett kbir u li l-importanza tiegħu għadha tinħass sallum hekk kif l-iskola għadha tipprovdi l-għodda importanti tal-edukazzjoni lit-tfal Żebbuġin. F’din l-iskola bdew il-vjaġġ edukattiv ħafna Żebbuġin li għamlu suċċessi akkademiċi u professjonali kbar f’oqsma bħall-mediċina, l-edukazzjoni, il-liġi, it-teoloġija u l-filosofija, l-arti, il-kummerċ u l-ekonomija u oqsma importanti oħra. Tnejn minn dawn huma l-aħwa Cefai, il-Professur Carmel Cefai B.Ed.(Hons),M.Sc.(Stir.),M.Ed.(Wales),Ph.D (.Lond.),Dip.Ed.G.&C.,C.Psychol,F.B.Ps.S u l-E.T. l- Isqof Giovanni Cefai M.S.S.P.
Ġewwa l-iskola primarja wieħed isib il-librerija taż-Żebbuġ -oriġinarjament imwaqqfa fl-1935 – mmexxija mill-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ u fil-kantina wieħed isib il-club taż-Żebbuġ Rovers F.C. li hu wkoll restorant armat b’kollox.
Apparti ringiela twila ta’ klassijiet kollha bl-ensuite u bil-gallerija, l-iskola fiha diversi uffiċċji, sala kbira tat-teatru, gym u Il-Mużew tal-Istorja Edukattiva.
IL-Mużew tal-Istorja Edukattiva
Dan il-mużew twaqqaf fi żmien is-Surmast Vincent Said u fih wieħed isib oġġetti antiki li nġabu mill-iskejjel il-qodma taż-Żebbuġ kif ukoll teaching aids antiki mill-iskola propja.
Il-mużew jinkludi klassi Vittorjana armata b’kollox bil-lavanji u l-bankijiet tal-injam. Barra diversi kotba, għodod u dokumenti antiki, fil-mużew wieħed isib diversi bustijiet ta’ rejiet Ingliżi fosthom żewġ kopji ffirmati tal-bust tar-Re Ġorġ V, xogħol tal-artist kbir Malti Ċensu Apap (1909-2003). Dawn kienu jitpoġġew f’postijiet pubbliċi bħal skejjel biex juru is-setgħa kolonjali Ingliża matul il-ħakma tagħhom (1800-1964).
Konklużjoni
L-iskola primarja taż-Żebbuġ hija msemmija għall-Mons. Gian Andrea Vella (1899-1990), saċerdot u storiku miż-Żebbuġ li għall-ewwel darba kiteb u ppubblika l-istorja tar-raħal f’serje ta’ faxxikli.
Minkejja li l-iskola primarja teħtieġ restawr kbir biex kif xieraq tiġi apprezzata, bħala binja oriġinali hija intatta u għalhekk jekk tingħata l-attenzjoni meħtieġa tista’ tiġi ppreservata għall-futur. Għal kull tagħrif dwar l-iskola primarja wieħed jista’ jikkuntattja l-uffiċċju tas-Surmast fuq (+356) 21551522 jew email [email protected]
Referenzi
Riċerka: Mario Cassar
Copyright: Soċjeta’ Banda Santa Marija and Żebbuġ Gozo Local Council
Ritratti ħajr lil: Żebbuġ Primary School, Mario Cassar











