Il-Bajja tax-Xwejni u l-Qolla l-Bajda

xwenjibay

Il-bajja tax-Xwejni hija waħda mill-aktar bajjiet pittoreski f’Għawdex. Dan minħabba l-ġmiel tal-baħar li jdawwarha imma anke minħabba l- formazzjonijiet ġeoloġiċi, jiġifieri l-blat li jifforma strutturi mill-isbaħ. Wieħed isib fost l-oħrajn, is-sisien, li peress li huma tal-franka, ttieklu mill-elementi, l-aktar il-melħ, u permezz ta’ din l-erożjoni fforma blat lixx u ttundjat li huwa partikulari ħafna.

L-isem Xwejni jfisser xini żgħir. Dan huwa referenza għall-attivita’ marittima tal-bajja imma jaf ukoll jirreferi għall-passat imbiegħed meta l-furbani kienu jidħlu fil-bajja biex jaħbtu għall-irħula tal-madwar, l- aktar iż-Żebbuġ u jieħdu magħhom li jsibu. Fil-fatt iż-Żebbuġ għandu diversi leġġendi marbutin mal-interċessjoni ta’ Santa Marija kontra attakki mill-għadu. Leġġenda antika tirrakkonta kif tifel, li kien jgħix fil- viċinanzi tax-Xwejni, kien ġie stuprat minn furbani Għarab li ġew mit- Tuneżija. L-istoriku rinomat Malti l-Professur Orazju C. R. Vella jgħid li l-istorja tkompli tgħid li xi Għawdxin li emigraw lejn it-Tuneżija biex jaħdmu iltaqgħu ma’ Għawdxi miż-Żebbuġ, imdaħħal fiż-żmien u għani li kkonfermalhom li l-istorja hija fil-fatt vera.

Apparti l-isem tax-Xwejni, li jirreferi għall-bajja kollha, iż-żona żżomm ismiijiet varji ta’ partijiet minnha. Dawn jinkludu l-Qolla l-Bajda u l- Għar ta’ Santa Marija, li hija d-daħla ġewwa l-istess Qolla, u s-Swejda, iż-żona ta’ blat skur li jibda mill-bajja Imma x’inhuma l-aspetti l-aktar karatteristiċi tax-Xwejni?

Dawn jinkludu:

Il-Bajja tax-Xwejni

Il-bajja propja tax-Xwejni hija waħda ffekwenta ħafna għall-għawm, speċjalment fis-sajf. Hija bajja mfittxija ħafna għall-għads. Hija bajja magħmula miċ-ċagħaq u dan jagħtiha l-faxxinu tagħha.

F’nofs il-bajja hemm blata partikulari li kienet ġiet indurata bid-deheb mill-artist Malti Austin Camilleri (1972- ), parti mill-proġett tiegħu stones (1999), li kien jikkonsisti f’installazzjonijiet ta’ blat indurat f’żoni differenti tal-gżejjer Maltin.

Is-Salini

Is-salini storiċi jinstabu fil-punent tal-bajja u jibqgħu sejrin sa Ras ir- Reqqa. Hemm ukoll x’uħud ma’ ġenb il-Batterija ta’ Santa Marija pero dawn ma jinħadmux. Is-Salini tax-Xwejni għadhom jinħadmu minn diversi familji Żebbuġin, li għadhom jipproduċu ammont ta’ melħ li jmur għad-domanda lokali ta’ dan il-kondiment prezzjuż u anke għat- turisti li jżuru x-Xwejni. Għal aktar informazzjoni dwar is-salini, int mistieden taċċessja l-informazzjoni dettalljata permezz tal-QR code ta’ The Żebbuġ Heritage Trail relatat mas-Salini li jinsab fil-qrib.

L-Għerien tal-Melħ

Madwar il-bajja tax-Xwejni u lilhinn wieħed isib diversi għerien li kienu intenzjonati għall-ħażna tal-melħ. X’uħud minnhom għadhom jintużaw għal dan l-iskop. Żewġ produtturi partikulari, l-familja Ċini u Attard ikollhom ħażna kbira ta’ melħ fl-għerien tagħhom u jservu ta’ attrazzjoni turistika hekk li ħafna turisti jżuruhom. Hemm diversi għerien li huma abbandunati, anke minħabba li d-daħliet tagħhom tħaffru mill-elementi, l-aktar l-erożjoni bil-melħ u llum huma għerien żgħar. Wieħed minnhom kien jappartjeni għall-istoriku Għawdxi tas- seklu tmintax, il-Kan. Ġian Piet Agius de Soldanis.

Il-Boathouses jew Għerien tas-Sajjieda

Apparti l-għerien tal-melħ wieħed isib diversi remissi li kienu jintużaw mis-sajjieda biex ipoġġu fihom id-dgħajjes tagħhom u l-għodod meħtieġa għas-sajd. Dawn ir-remissi huma mqattgħin fil-blat u x’uħud minnhom għandhom partijiet mibnija fil-ġebel tal-qawwi biex jiflaħ għall-qilla tal-melħ u tal-elementi. Lejn il-punent tal-bajja tax-Xwejni hemm diversi garaxxijiet mibnija fiż-żminijiet aktar reċenti u li kienu jintużaw mis-sajjieda. Dawn l-għerien ġibdu l-attenzjoni tal-artist kbir Malti Pawl Carbonaro (1948- ) li pittirhom diversi drabi biż-żejt fuq it- tila.

Il-Batterija ta’ Santa Marija jew tal-Qolla l-Bajda

il-Batterija ta’ Santa Marija nbniet bejn l-1715 u l-1716 fi żmien il- Granmastru Ramon Perellos y Roccaful (1697-1720). Il-bini kien taħt id-direzzjoni tal-inġiniera militari Jacques de Camus D’ Arginy u Bernard de Fontet. Għal aktar tagħrif int mitlub iżżur l-inħawi tal- batterja u taċċessja l-informazzjoni dettalljata permezz tal-QR code taż-Żebbuġ Heritage Trail, li jinsab ma’ ġenbha.

Il-Qolla l-Bajda

Waħda mill-postijiet ta’ interess li jinsabu fil-bajja tax-Xwejni hija dik imsejħa l-Qolla l-Bajda. Din hija struttura ġeoloġika b’forma ta’ koppla jew qolla, hekk kif laqqmuha missirijietna. Id-daħla ġo fiha, li ffurmat permezz tal-erożjoni permezz tal-melħ tissejjaħ l-Għar ta’ Santa Marija. Din il-Qolla hija pittoreska ħafna u ġibdet l-attenzjoni ta’ ħafna fotografi u artisti li studjawha fix-xogħol tagħhom.

Skont il-ġeologu magħruf Malti George Zammit Maempel “fil-Qolla l- Bajda d-diviżjoni ta’ fuq tal-franka tinqasam f’elementi griżi u bajdanin, karatteristika li mhix normali għal ambjent Malti.” Sfortunatament, meta tqabbel l-istruttura tal-Qolla llum ma’ ritratti antiki tinduna bir-ritmu qawwi ta’ erożjoni li qed iseħħ fuq l-istruttura. Din hija qawwa naturali li ħadd ma jista’ jikkontrolla jew iwaqqaf. Mhux l-ewwel darba li blat kbir jinqata’ minn madwarha u hemm possibilta’ li din biż-żmien tinbidel jekk mhux ukoll tintilef, hekk kif ġralu Għar Qawla ġewwa Marsalforn u t-Tieqa tad-Dwejra.

L-inħawi tal-Qolla l-Bajda u l-blat tal-madwar ispiraw lill-artist Malti Mario Cassar (1975 – ) għall-proġett (mhux realizzat) intitolat Strumenti li jdoqqu ż-Żiffa (2009). Din l-installazzjoni tippreżenta strutturi immaġinarji tal-bronż li jinteraġixxu mal-qawwa qalila tar-riħ jew maż-żiffa ħelwa li żżejjen il-bajja tax-Xwejni fix-xhur sħan tas-sajf.

Ritratti ħajr lil: Mario Cassar, Leo Cefai, Austin Camilleri Studio

Referenzi

Zammit Maempel, G. (1996). The Geology of Gozo in Farrugia, G. &

Briguglio, L. (ed.) (1996) “A Focus on Gozo”. Malta: Formatek Ltd.

Riċerka: Mario Cassar

Copyright: Soċjeta’ Banda Santa and Żebbuġ Gozo Local Council

Dwar l-awtur tar-riċerka tal-Heritage Trail

Mario Cassar twieled iż-Żebbuġ fl-1975. Huwa artist, edukatur, disinjatur u kollezzjonist. Huwa gradwat fl-istorja tal-arti, fil-Malti u fil-pedagoġija artistika f’livell ta’ Masters ġewwa l-Universita’ ta’ Malta. Ilu jmexxi s-sezzjoni tal-arti viżiva ta’ Sir M. A. Refalo Sixth Form mill-1997, fejn hu lettur. Għallem f’diversi fakultajiet u ċentri tal-Universita’ ta’ Malta, fejn fost l-oħrajn għallem il-filosofija tal-arti, id-disinn kontemporanju u l-apprezzament tal-arti u tal-antikita’. Huwa membru fundatur tas-Soċjeta’ Filarmonika Banda Santa Marija u ex-viċi sindku taż-Żebbuġ. Huwa wkoll il-kuratur tad-dar storika Riħ id-Deheb. Huwa miżżewweġ lil Pauline u għandu żewġt itfal.